Nhar il-Ħadd 9 ta’ Settembru, aktar minn 12-il eks-plejer ta’ Manchester United se jkunu f’Malta biex jilgħabu partita ta’ wirja mad-detenturi tat-titolu lokali attwali, Valletta F.C., fil-Grawnd taċ-Ċentinarju (Centenary Stadium) f’Ta’ Qali.

Dettalji dwar din il-logħba tħabbru waqt konferenza għall-aħbarijiet li saret aktar kmieni llum. Din il-logħba qed tiġi organizzata bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

L-ex-plejers ta’ Manchester United li ġejjin f’Malta għal din il-logħba jinkludu lil Ronny Johnsen, Raimond van der Gouw, Wes Brown, Sammy Mcllroy, Chris Casper, Lee Martin, Bojan Djordjic, Andy Ritchie, Danny Webber, Keith Gillespie, Ben Thornley, Russell Beardsmore u l-maniġer Jimmy Greenhoff. Dawn l-istilel tal-futbol internazzjonali tal-passat kienu kollha jiffurmaw parti mit-tim ta’ Manchester United bejn l-1971 u l-2008, u rebħu diversi Premier Leagues, FA Cups u Champions’ Leagues bejniethom.

Il-biljetti, li jistgħu jinkisbu mill-Valletta Football Club jew mill-Manchester United Supporters’ Club, jiswew €5 biss, bil-qliegħ kollu jmur għall-Krexx tas-Sorijiet Ursolini f’Angela House, Gwardamanġa li jaħdmu ma’ tfal u familji Maltin fil-bżonn.

Din il-logħba se taħbat mas-60 Anniversarju tal-Manchester United Supporters’ Club Malta, li se jiġi ċċelebrat fi Frar li ġej. Logħba ta’ wirja f’Malta li tinvolvi għadd ta’ eks-plejers ta’ Manchester United, li ħafna minnhom għadhom attivi fil-klabb sal-lum, se tkun bidu tajjeb għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-klabb. Il-klabb, li huwa uffiċjalment rikonoxxut minn Manchester United, huwa l-eqdem Manchester United Supporters’ Club fid-dinja, mwaqqaf u għal diversi snin stabbilit fi Triq Santa Luċija, il-Belt Valletta.

Waqt li ndirizza lill-midja, iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018, Jason Micallef qal li din hija opportunità sabiħa għal min iħobb il-futbol f’Malta u għall-pubbliku ġenerali b’minn tal-inqas tliet ġenerazzjonijiet ta’ Maltin li se jiftakru dawn l-istilel tal-futbol mill-ġranet l-aktar attivi tagħhom. Huwa qal li jinsab ferħan li Valletta 2018, flimkien ma’ Valletta F.C. u l-Manchester United Supporters’ Club Malta, se jgħinu lis-Sorijiet Ursolini permezz ta’ din il-logħba, li jagħmlu tant ġid fost il-komunitajiet lokali tagħna. Dan se jsir filwaqt li jiġi promoss l-ispirtu sportiv. Il-plejers kollha se jkunu qed joqogħdu fil-Belt Valletta fejn se jesperjenzaw il-Kapitali Ewropea tal-Kultura u avvenimenti oħra relatati mal-Programm ta’ Valletta 2018. Dan l-avveniment se jkun parti mil-legat ta’ Valletta 2018.

Il-logħba Valletta FC vs Manchester Reds Legends XI se ssir nhar il-Ħadd 9 ta’ Settembru fil-Grawnd taċ-Ċentinarju f’Ta’ Qali, u tibda fis-6.30pm. Biljetti ta’ €5 jistgħu jinxtraw mill-Valletta F.C. fi Triq Santa Luċija, il-Belt jew mill-Manchester United Supporters’ Club fi Triq Misraħ il-Barrieri fl-Imsida.

Għal aktar informazzjoni u biex iżżomm ruħek aġġornat, żur valletta2018.org u segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fu Facebook.