‘The Strange Travels of Señor Tonet’, fiera ta’ kurżitajiet u pjaċir għall-familja kollha, fetħet il-bibien għall-pubbliku llum l-4 ta’ April fi Pjazza Tritoni, fil-Belt Valletta.

Għal dan il-proġett, artisti rinomati minn Katalunja, Tombs Creatius, ingħaqdu ma’ Esplora kif ukoll ma’ studenti tat-teknika sabiex jiddisinjaw installazzjonijiet mekkaniċi interattivi speċifikament għal Valletta 2018.

F’din il-fiera niltaqgħu ma’ Señor Tonet, karattru interessanti li se jintroduċi lill-udjenza mal-karattri misterjużi li jiltaqa’ magħhom waqt l-avventuri strambi tiegħu. Jagħmel dan permezz ta’ installazzjonijiet individwali mibnija f’kaxxi, b’ kull waħda tirrifletti storja partikolari. L-artisti ħolqu wkoll logħba interattiva oriġinali għal Malta, ispirata minn żewġ immaġini sinonimi mal-kultura Maltija: id-dgħajsa tal-pass u l-Mara r-Rieqda. L-għan tal-artisti hu li jikkuntentaw lit-tfal billi jagħtuhom l-opportunità li jgawdu dan il-logħob interattiv.

‘The Strange Travels of Señor Tonet’ se tkun fi Pjazza Triton bejn l-4 ta’ April u t-8 ta’ April. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma bejn l-10am u l-4pm, bl-eċċezzjoni tas-7 ta’ April, fejn il-fiera se tkun miftuħa bejn nofsinhar u s-6pm u se tkun qed toffri post għat-tfal waqt ‘Il-Festa l-Kbira’ li se tkun qed issir ġewwa l-Belt Valletta nhar is-6 u s-7 ta’ April. Din il-fiera kienet f’Villa Bighi Plaza, biswit Esplora, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza f’Bighi, l-Kalkara, il-ġimgħa l-oħra bejn it-28 ta’ Marzu u l-1 ta’ April. Il-logħba Maltija se tibqa’ f’Esplora wara li tispiċċa l-fiera.

Għal aktar informazzjoni, żur valletta2018.org.