Għada, l-AIDA ta’ Giuseppe Verdi se tasal fi Pjazza Teatru Rjal għall-ewwel darba. It-tieni rappreżentazzjoni se ssir nhar is-Sibt 15 ta’ Settembru. Iż-żewġ rappreżentazzjonijiet jibdew fis-19.30.

Bħala parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, Pjazza Teatru Rjal se timtela bl-intensità tal-mużika ta’ Verdi, hekk kif it-teatru fil-beraħ jospita l-interpretazzjoni kontemporanja ta’ Opera Spanga tal-AIDA, opra klassika tant maħbuba.

Taħt id-direzzjoni ta’ Corina van Eijk, il-kumpanija bbażata fl-Olanda Opera Spanga hija magħrufa li tinjetta ħajja ġdida fl-opra. Il-produzzjonijiet tal-kumpanija, li ġejja mill-villaġġ ċkejken ta’ Spanga, taw lil diversi opri livelli ġodda ta’ tifsira, u AIDA twiegħed li tagħmel l-istess … u aktar!

Opera Spanga se tkun qed twettaq din l-opra f’Malta wara s-suċċess li kellha fl-Olanda, bħala parti mill-Programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, kemm fil-Belt Valletta kif ukoll f’Leeuwarden-Fryslân fl-Olanda.

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se takkumpanja l-kast mill-aqwa (li jinkludi s-sopran Maltija Francesca Aquilina) b’rappreżentazzjoni live tal-mużika ta’ Verdi, hekk kif il-Prinċipessa Etijopjana skjava Aida u l-maħbub tagħha Radamès iħabbtu wiċċhom mal-poteri distruttivi tal-gwerra u l-mibegħda. Il-produzzjoni se turi wkoll ix-xogħol tal-istudenti tal-MCAST, li pprovdew assistenza prattika fil-produzzjoni ta’ filmat, id-disinn tal-produzzjoni u d-disinn tal-kostumi taħt it-tmexxija tad-duo Malti / Olandiż, Charles & Ron.

Il-biljetti huma disponibbli fuq www.pjazzateatrurjal.com. Segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook għal aktar informazzjoni.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta