Għada se tintwera għall-ewwel darba l-produzzjoni Corto Maltese: The Ballad of the Salty Sea ġewwa t-Teatru Manoel, fit-8.30pm. It-tieni rappreżentazzjoni se tittella’ nhar is-Sibt, 22 ta’ Settembru. Akkwista l-biljetti tiegħek billi żżur teatrumanoel.com.mt.

Il-produzzjoni, li hija kkummissjonata u ko-prodotta mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u Teatru Manoel, hija adattament tar-rumanz grafiku popolari ta’ Hugo Pratt, Corto Maltese: Una Ballata del Mare Salato, ippubblikat fl-1967. L-opra għandha kompożizzjoni ta’ Monique Krüs u librett ta’ Corina Van Eijk, ibbażat fuq kitba oriġinali ta’ Tama Matheson.

In-narrattiva tirrakkonta waħda mill-avventuri ta’ Corto Maltese, baħri u vjaġġatur imwieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Lulju 1887, iben baħri Brittaniku u żingara Andalusjana. Bħala tifel li trabba fil-parti Lhudija ta’ Córdoba, Corto Maltese jiskopri li ma għandux linja tad-destin fuq il-pala ta’ idu u għalhekk malajr inaqqax linja bix-xafra tal-leħja ta’ missieru. Dan ifisser li issa d-destin tiegħu jinsab f’idejh. Corto jqatta’ ħajtu jivvjaġġa d-dinja waqt li jfittex l-avventura, kmandat minn xejn ħlief mil-libertà tiegħu stess. Apparti li huwa baħri, spiss jinstab jgħin lil min hu żvantaġġat. Hekk kif ibaħħar għall-ewwel darba, qatt ma jħares lura, u jivvjaġġa madwar il-kontinenti lejn l-Eġittu, Singapor, Buenos Aires, il-Brażil, iċ-Ċilì, l-Arġentina, iċ-Ċina, il-Gżejjer tal-Karibew, il-Gżejjer tal-Paċifiku, il-Mongolja u l-Italja, fost ħafna oħrajn.

The Ballad of the Salty Sea hi l-ewwel storja li nkitbet dwar Corto. Issegwi l-istorja ta’ grupp ta’ pirati u kuntrabandisti mmexxija mill-pirata Rasputin, li waqt il-ħidma tagħhom fl-Oċean Paċifiku, jiltaqgħu ma’ raġel jitkaxkar mal-kurrent fil-baħar. Idu u riġlejh huma marbuta ma’ ċattra. Ismu se jsir leġġendarju. Dan ir-raġel huwa Corto Maltese. X’għamel biex jistħoqqlu kastig krudili bħal dan? X’hemm moħbi wara l-ħarsa enigmatika tiegħu? Anke Pandora u Cain – żewġ adoloxxenti minn familja sinjura li nqabdu minn Rasputin – jiddubitaw il-preżenza tiegħu. Ftit jafu li din il-laqgħa għall-għarrieda se tbiddlilhom ħajjithom għal dejjem, flimkien ma’ dawk ta’ miljuni ta’ qarrejja.

Din hija r-raba’ opra tat-Teatru Manoel Youth Opera, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 bħala parti mill-Programm Kulturali għall-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org u segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.


Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta