Iċ-Ċelebrazzjonijiet tant mistennija ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta se jibdew fit-8 ta’ filgħaxija, il-Ħamis fi Pjazza San Ġorġ u se jkunu waħda mill-akbar festi fil-gżira. Il-festi qed jiġu organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018 b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Kultura, il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef qal, “Lejliet l-Ewwel tas-Sena hija waħda mill-ikbar avvenimenti fil-Belt Valletta li tagħlaq sena sħiħa ta’ proġetti u attivitajiet organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018. Fl-istess waqt, fl-2016 se jingħata bidu għal ċelebrazzjonijiet kbar fl-okkażjoni tal-450 Anniversarju mit-twaqqif tal-Belt Valletta.”

Is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli qal, ‘Il-festi ta’ lejliet l-ewwel tas-sena huma attività tal-familja fejn il-komunità Beltija u l-familji Maltin u Għawdxin jistgħu jiċċelebraw din l-okkażjoni speċjali flimkien.”

Iċ-Ċerman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Gavin Gulia qal, “It-turisti li jżuru l-gżejjer tagħna waqt il-festi tal-Milied u lejliet l-ewwel tas-sena se jkunu jistgħu jingħaqdu mal-komunità lokali waqt dawn l-attivitajiet. Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-MTA jappoġġjaw dawn l-attivitajiet li jattiraw it-turisti anke waqt xhur kwieti.”

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonniċi sostna, “Illum għandna ċelebrazzjonijiet ta’ lejliet l-ewwel tas-sena li qed jiġu organizzati ġewwa l-belt kapitali sabiħa tagħna bħal ħafna bliet kapitali oħra madwar l-Ewropa u d-dinja.”

Il-band akustika lokali Musique se tkun qiegħda ddaħħal il-folla fl-ispirtu bil-mużika jazz segwita minn The Crowns, band lokali oħra. Id-Deejays Pierre Cordina u Clint Bajada wkoll se jkunu qed joffru divertiment lill-folol flimkien mal-orkestra magħmula minn membri tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta mmexxija minn Sigmund Mifsud. Il-mistiedna speċjali Glen Vella u Kevin Borg se jkunu qed ikantaw ukoll.

Il-festi f’din il-lejla se jilħqu l-qofol tagħhom meta jintwerew il-Projezzjonijiet Tridimensjonali tal-Immappjar Arkitettoniku żviluppati minn Valletta 2018 u mill-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST, li se jagħtu countdown speċjali li jilqa’ s-Sena l-Ġdida. Il-projezzjonijiet jagħtu omaġġ lill-450 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Belt Valletta billi juru xeni u karattri importanti mill-istorja tal-Belt Valletta. Wara l-countdown, Gianni u Pawlu Borg Bonaci se jkomplu joffru d-divertiment lill-udjenza u jtemmu l-lejla bit-togħma ta’ ftit mill-aqwa kummiedji tagħhom.