Discover Valletta hija sensiela ta’ narrattivi qosra dwar postijiet fil-belt kapitali Valletta miġjuba f’għamla awdjo bl-mp3s, pakkett ta’ flashcards u mappa. Il-pakketti qegħdin jitqassmu lill-istudenti tal-Form 1 li jattendu skejjel tal-Gvern, tal-Knisja u oħrajn indipendenti.

Dan ġie żvelat matul avveniment fl-Iskola Medja ta’ San Injazju fil-Ħandaq, fejn ġiet ippreżentata t-tieni edizzjoni tal-pakketti Discover Valletta lill-istudenti tal-Form 1. Għall-konferenza stampa attandew iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Valletta 2018 s-Sur Jason Micallef u l-Kap Uffiċjal tal-Iżvilupp Kummerċjali tal-Bank of Valletta s-Sur Kenneth Farrugia.

Meta indirizza lill-istudenti s-sur Jason Micallef spjega li l-proġett tnieda għall-ewwel darba din is-sena u ntlaqa’ b’rispons pożittiv ħafna kemm mill-istudenti u kemm mill-għalliema. “Discover Valletta qiegħed iwassal informazzjoni kulturali u storika b’mod internattiv għax l-istudenti jisimgħu l-informazzjoni dwar 24 sit fil-Belt Valletta matul żjarat skolastiċi fil-kapitali,” innota Jason Micallef. “Ser jibqgħu jitqassmu eluf ta’ kitts lill-istudenti tal-Form 1 kull sena sal-2018.”

Il-pakkett Disocver Valletta jinkludi mp3 player b’24 silta awdjo bilingwi. Kull silta tirrakkonta storja dwar sit differenti fil-Belt. Fih ukoll flashcard li tagħti t-tagħrif b’mod divertenti dwar kull post. Il-pakkett jinkludi wkoll mappa tal-Belt li tgħaqqad flimkien siti u siltiet differenti. L-istudenti ser iżommu l-pakkett ħalli jkunu jistgħu jerġgħu jżuru l-Belt u jgħixu din l-esperjenza mal-familja tagħhom.

Is-Sur Kenneth Farrugia esprima s-sodisfazzjoni tal-Bank għall-eżitu tal-proġett. “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina li nikkollaboraw mal-Fondazzjoni Valletta 2018 fuq dan il-proġett edukattiv. Il-pakkett Discover Valletta jiftaħ tieqa fuq il-patrimonju rikk tal-belt kapitali tagħna u jgħin lit-tfal jiskopru ġojjii moħbija. Dan il-proġett juża t-teknoloġija b’mod utli billi jagħti mod innovattiv kif it-tfal jistgħu jerġgħu jgħixu l-istorja tagħna mal-familja tagħhom,” qal is-Sur Farrugia.

Meta tkellem dwar l-involviment tal-Bank huwa spjega: “Issa għaddew iżjed minn ħmistax-il sena mindu l-Bank of Valletta ħass li kellu jieħu r-rwol tal-Patrun tal-Patrimonju u l-Kultura Nazzjonali. Dan wassalna biex intellgħu diversi proġetti, inklużi bosta fil-Belt Valletta li wħud minnhom jidhru wkoll fil-pakkett, bħat-Teatru Manoel u l-Koppla ta’ Santa Katerina. Bħala l-Bank Malti nħossu d-dmir li nagħtu s-sehem tagħna fil-konservazzjoni ta’ dak li ngħata lilna.”