It-tlettax-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta organizzat minn Inizjamed se tittella’ l-Ħamis 23, il-Ġimgħa 24, u s-Sibt 25 ta’ Awwissu, f’Forti Manoel, Manoel Island, fit-8.00pm, bis-sehem ta’ awturi ewlenin minn disa’ pajjiżi differenti.

Minbarra l-qari ta’ novelli u poeżiji minn 11-il awtur u awtriċi, se jkun hemm mużika, kotba għall-bejgħ, films tal-poeżija Maltin u barranin, l-illegar artiġjanali tal-kotba minn Kotba Calleja, u xorb u ikel magħmul mill-CORE GREEN organic & fairtrade.

L-awturi mistiedna għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival huma Juana Adcock (il-Messiku/l-Ingilterra), Massimo Barilla (l-Italja), Jean-Rémi Gandon (Franza), Arjan Hut (Ljouwert, l-Olanda), Laia López Manrique (Spanja), Sjón (l-Iżlanda), Ali Thareb (Babel, l-Iraq), u Clare Azzopardi, Caldon Mercieca, Teodor Reljić u Philip Sciberras minn Malta.

Id-dħul għall-attivitajiet kollha huwa b’xejn u kulħadd jista’ jattendi. Xi kitbiet jistgħu jkunu maħsuba għal udjenza matura. Il-qari se jkun l-aktar bil-Malti u bl-Ingliż, imma jinqraw ukoll xi xogħlijiet qosra b’lingwa oħrajn.

Il-Festival ta’ din is-sena huwa parti minn Cultural Partnership Agreement għal tliet snin bejn Inizjamed u l-Kunsill Malti għall-Arti. Dan il-ftehim jagħti stabbilità finanzjarja u taħriġ lil Inizjamed fit-tmexxija ta’ dan il-festival indipendenti.

Waqt il-Festival jintwerew ukoll żewġ films tal-poeżija. Clare Azzopardi u Ken Scicluna qed jaħdmu fuq film li jippreżenta l-poeżija ta’ Achille Mizzi “Kafè,” filwaqt li Abigail Mallia u Carlos Debattista qed jipproduċu film fuq poeżija ta’ Oliver Friggeri, “Il-Lejl f’Dan l-Istazzjon.” Dan il-proġett isir bi sħab mal-Fondazzjoni Valletta 2018.

Robert Farrugia huwa l-mużiċist mistieden u din is-sena se jkollna wkoll band residenti.

Il-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu, bejn it-8.00pm u l-11.00pm, se jkun hemm sessjoni miftuħa tal-arti u l-artiġjanat bl-Ingliż u bil-Malti għat-tfal ta’ kull età biswit il-bitħa tal-Festival. F’din l-attività li se tittella’ minn More or Less Theatre bi sħab mal-Fondazzjoni Valletta 2018 it-tfal joħolqu stejjer u mudelli tal-kartapesta bbażati fuq il-kulturi ivvintati waqt il-programm Oħloq Kultura li jsir fl-iskejjel. It-tfal jistgħu jinkitbu billi tintbagħat email lil [email protected] li fiha min japplika jniżżel il-ħinijiet li fihom se jkunu preżenti t-tfal.

Apparti l-Festival

L-awturi tal-Festival jieħdu sehem fil-workshops tat-traduzzjoni mmexxija minn Nadia Mifsud. Matulhom jittraduċu x-xogħol ta’ xulxin u x-xogħol li se jinqara fil-Festival.

L-attivitajiet ta’ qabel il-Festival bis-sehem tal-awturi mistiedna u għadd ta’ organizzaturi ta’ festivals li bħal Inizjamed huma msieħba f’Literary Europe Live se jsiru llum l-Erbgħa 22 ta’ Awwissu, fit-8.00pm.

Hemm ukoll attivitajiet il-Ġimgħa u s-Sibt tal-Festival, 24 u 25 ta’ Awwissu fis-7.00pm, f’Forti Manoel. Il-pubblikaturi u l-organizzaturi tal-Festival mistiedna huma Mohamd El-Baaly, Neeta Gupta u Anne-Lise Dyck-Daure.

Fil-ġimgħat ta’ qabel il-Festival kien hemm numru ta’ attivitajiet oħra bħal palk ħieles, attività ma’ Philip Sciberras fir-Residenza San Vinċenz de Paul u attività fi skola sajf.

Din it-13-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, flimkien mal-laboratorju tat-traduzzjoni qed jittellgħu minn Inizjamed bi sħab mal-Kunsill Malti għall-Arti u Literature Across Frontiers u bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-Fondazzjoni Manoel Island, l-Għaqda tal-Malti – Università, il-voluntiera Tal-Kultura, u Studio Solipsis. Dan il-Festival ingħata rikoxximent internazzjonali permezz tat-timbru tal-EFFE, Europe for Festivals, Festivals for Europe.

Il-logo tal-Festival u l-materjal promozzjonali l-ieħor iddisinjah l-artist Pierre Portelli.

Hemm aktar tagħrif dwar il-festival fuq il-paġna ta’ Inizjamed u l-attività “Malta Mediterranean Literature Festival 2018” fuq Facebook u fuq is-sit tal-Festival.