Il-film ta’ Valletta 2018 ‘Ħabbilni Ħa Nirbaħ’ (Knock Me Up, Knock Me Down), se jagħmel id-debutt internazzjonali tiegħu waqt l-Edmonton Film Festival ġewwa l-Kanada, meta jipparteċipa fil-kompetizzjoni uffiċjali waqt l-istess festival fi tmiem il-ġimgħa.

Dan il-festival prestiġjuż jagħti jedd lil films parteċipanti biex jikkwalifikaw għall-Oscars. Waqt dan il-festival jintwerew ’il fuq 150 film ta’ ġeneru differenti, ġejjin minn aktar minn 50 pajjiż. Ħabbilni Ħa Nirbaħ se jkun qed jikkompeti ma’ films oħra li diġa rebħu diversi premjijiet.

Din is-sena, il-festival se jsir bejn is-27 ta’ Settembru u s-6 ta’ Ottubru.

Il-kast jinkludi lil Shelby Aquilina, Sarah Micallef, Michela Galea u Jasmine Farrugia. Dan il-film miktub bil-Malti jirrakkonta l-istorja ta’ erba’ tfajliet żgħażagħ fl-iskola sekondarja, ilkoll ġejjin minn realtajiet soċjali differenti. Dawn jagħmlu mħatra bejniethom dwar liem tfajla jirnexxilha tinqabad tqila l-ewwel mill-attur magħruf Nate Cross (rwol ta’ Jan Zammit). L-azzjonijiet tagħhom jeqilbu ħajjithom u dik tal-familji tagħhom ta’ taħt fuq, u jirriżultaw f’qerq, estorsjoni, tradiment u uġigħ.

Il-film għandu direzzjoni ta’ Mario Azzopardi u kitba ta’ Simon Bartolo u Mario Azzopardi.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria u Bank of Valletta