Il-Kummissarju Corina Cretu u l-Kummissarju Karmenu Vella, flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef, u d-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom żaru l-‘Valletta Design Cluster’ dal-għodu.

Il-‘Valletta Design Cluster’, li huwa wkoll wieħed mill-proġetti infrastrutturali ewlenin tal-Fondazzjoni Valletta 2018, għandu jittrasforma s-sit mgħaruf bħala l-Biċċerija l-Antika fil-Belt Valletta f’ċentru għal żvilupp komunitarju u ekonomiku. Il-‘Cluster’ se jservi primarjament bħala spazju komunitarju għal prattiċi kulturali u kreattivi, billi jipprovdi spazju u appoġġ għal studenti, individwi, ‘freelancers’ u prattiċi u organizzazzjonijiet kreattivi indipendenti, kif wkoll permezz ta’ netwerking fuq livell internazzjonali ma’ ċentri kreattivi oħra, ċentri tad-disinn u proġetti marbutin mar-riġenerazzjoni urbana.

Il-proġett, li qed iseħħ bħalissa, qed jiġi ffinanzjat taħt il-linja ta’ Żvilupp Sostenibbli Urban tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Dawn il-proġetti għandhom l-għan li jtejbu l-ambjent urban fiż-żona tal-Port il-Kbir sabiex id-distretti ta’ din iż-żona jsiru aktar b’saħħithom u sostenibbli, filwaqt li jrawmu wkoll ambjent li jwassal għall-attività ekonomika.

Iż-żjara tal-Kummissarji tenfasizza l-importanza li l-investimenti ekonomiċi u soċjali jingħaqdu sabiex l-opportunitajiet f’dawn l-oqsma jkunu ta’ benefiċċju għas-setturi kollha tas-soċjetà. Filwaqt li l-investimenti infrastrutturali ewlenin fil-passat iffokaw fuq siti ta’ profil għoli li jinsabu fil-Belt Valletta u l-Port il-Kbir, il-‘Valletta Design Cluster’ jinstab f’żona residenzjali li waqgħet vittma għal għexieren ta’ snin ta’ negliġenza u nuqqas ta’ titjib infrastrutturali bażiku. L-għan tal-proġett huwa li jipprovdi ambjent għal għajxien aħjar lir-residenti tal-Belt Valletta, jiftaħ opportunitajiet ġodda għal inizjattivi li jaħdmu biex jwettqu bidliet li jibdew mil-livell lokali ‘l fuq, u jappoġġja opportunitajiet ta’ karrieri ġodda għal żgħażagħ li qed jaħdmu f’setturi kreattivi.

Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef sejjaħ lill-din iż-żjara dimostrazzjoni qawwija ta’ inkoraġġiment mill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-benefiċċji tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fil-Belt Valletta huma mibnija fuq viżjoni fit-tul li se tkun ta’ benefiċċju kemm għar-residenti tal-Belt Valletta kif ukoll għall-komunità kreattiva Maltija għas-snin li ġejjin.

Il-‘Valletta Design Cluster’, li jimmira li jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku f’nofs l-2019, se jospita firxa ta’ spazji tal-istudjo għal prattikanti kulturali u kreattivi, ‘makerspace’ mgħammar b’teknoloġija speċjalizzata għal użu konġunt, numru ta’ kmamar tal-laqgħat u faċilitajiet tal-konferenzi, spazju tal-ikel, kif ukoll faċilitajiet għal artisti fir-residenza. Is-sit se jkollu wkoll ġonna tal-bejt ġdid aċċessibbli bis-sħiħ fuq is-saqaf tiegħu, li huwa l-ewwel taʼ din ix-xorta ta’ inizjattiva fir-rigward ta’ ‘greening’ tal-bjut tal-bini pubbliku fil-Belt Valletta li huma wkoll aċċessibbli għal-kollox lill-pubbliku ġenerali.