Il-Prim Ministru Joseph Muscat żar numru ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni ewlenin tal-Valletta 2018 illum wara nofsinhar.

Dawn jinkludu MUŻA, is-Suq, iż-żona pedonali fi Triq l-Arcisqof u The Gut fi Strada Stretta.

Waqt li kien qed jindirizza l-midja, iċ-Chairman tal-Valletta 2018 Jason Micallef qal,  “The Gut u Strada Stretta huma eżempju tar-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali li qed isseħħ fil-Belt Valletta fejn bosta binjiet li kienu magħluqa għal 50 sena ngħataw ħajja ġdida grazzi għas-settur privat u għall-Fondazzjoni Valletta 2018″.

Kien enfasizzat li l-ewwel fażi ta’ The Gut fi Strada Stretta se tiftaħ f’Ġunju u se timpjega 100 ruħ. Is-Suq se jiftaħ fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru filwaqt li MUŻA se jiġi inawgurat f’Mejju tal-2018.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-baġit għall-kultura se jiġi rduppjat is-sena d-dieħla – xi ħaġa li s’issa qatt ma ġrat fl-istorja.