Żgħażagħ Maltin u Għawdxin li għandhom dsatax-il sena jew anqas, għandhom l-opportunità li jirbħu €2000 kif ukoll safra lejn l-Awstrija. Jistgħu jagħmlu dan billi jipparteċipaw fil-kompetizzjoni bl-isem ta’ U-19 ‘Create Your World’ li qed tiġi organizzata minn Valletta 2018, b’kollaborazzjoni mal-Prix Ars Electronica Festival f’Linz, l-Awstrija, kif ukoll maċ-Ċentru Nazzjonali Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora.

It-tema u l-messaġġ magħżul għal din il-kompetizzjoni huwa ‘Create Your World’, Oħloq id-Dinja Tiegħek. Iż-żgħażagħ kollha li għandhom dsatax-il sena jew anqas huma mistiedna jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni kreattiva, fejn għandhom iċ-ċans li jesebixxu x-xogħolijiet u l-kreattività tagħhom. Numru ta’ premjijiet jistgħu jintrebħu, bl-ikbar wieħed ikun dak ta’ €2000.

Ix-xogħlijiet jistgħu jieħdu diversi forom, fosthom dawk tal-arti diġitali, il-mekkanika, it-teknoloġija, id-disinn tal-kompjuters, il-mużika, proġetti soċjali, u anke ideat futuristiċi dwar id-dinja tagħna. Ix-xogħlijiet għandhom jiġu sottomessi onlajn fuq http://u19-malta.aec.at/, flimkien ma’ deskrizzjoni dettaljata dwar kull proġett bl-Ingliż. Il-proġetti ser jiġu ġġudikati minn membri tal-ġurija barranin. Jistgħu wkoll jipparteċipaw gruppi, sa massimu ta’ tmien persuni.

Is-sottomissjonijiet huma milqugħa sat-Tnejn, 30 ta’ April, 2018. Ser ikun hemm ukoll sessjonijiet ta’ informazzjoni għal żgħażagħ imħajrin li japplikaw, fejn ser ikollhom iċ-ċans li jitgħallmu aktar dwar il-kategoriji uniċi tal-kompetizzjoni, kif ukoll il-premjijiet li hemm lesti biex jintrebħu.

Ir-rebbieħa Maltin ser ikunu l-mistiedna tal-unuri għal ċerimonja speċjali li matulha jingħataw il-premjijiet rispettivi. F’Settembru, l-istess rebbieħa ser ikunu qed jivvjaġġaw lejn Linz, fl-Awstrija, sabiex jattendu għall-Ars Electronica Festival, 2018. Fil-każ ta’ gruppi, sa massimu ta’ żewġ persuni jistgħu jivvjaġġaw. Termini u kundizzjonijiet japplikaw. Ix-xogħol tar-rebbieħa ser ikun esibit f’esibizzjoni speċjali li ser tittella’ fiċ-Ċentru Nazzjonali Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora, f’Novembru, 2018.

Il-premju l-kbir ta’ Valletta 2018 għall-proġett rebbieħ li jikkwalifika fl-ewwel post jikkonsisti f’ €2000. Premjijiet oħra jinkludu €600 għal żewġ rebbieħa li jiksbu grad ta’ distinzjoni, €100 għal ħames rebbieħa li jiksbu grad ta’ mertu, premju ta’ €300 mogħti miċ-Ċentru Esplora għar-rebbieħa ta’ taħt l-erbatax-il sena, kif ukoll logħba edukattiva u premju ieħor ta €300 mogħti miċ-Ċentru Esplora għar-rebbieħa ta’ taħt l-għaxar snin.

Għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org.