Iktar kmieni llum, Jason Micallef, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, flimkien mal-artist, fotografu u lekċerer mistieden tal-fotografija għad-dokumentarji fil-Fakultà tal-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien ġewwa l-Università ta’ Malta Patrick J. Fenech, nedew il-ktieb, ‘The Maltese Village Festa – A Traditional Yearly Ritual’.

Il-ktieb jistħarreġ ir-ritwal ta’ kull sena tal-festa Maltija fi rħula differenti f’Malta u Għawdex, tradizzjoni li ilha għaddejja mijiet ta’ snin. Il-ktieb jinkludi iktar minn 750 ritratt bil-kulur u esejs akkademiċi li jagħtu ħarsa lejn l-evoluzzjoni tal-festa minn żminijiet medjevali sal-lum. Il-ktieb fih ukoll ġabra ta’ rappreżentazzjonijiet statwarji tal-qaddisin patruni ta’ festi kemm titulari u kemm sekondarji li huma l-qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi.

In-narrattiva ta’ din il-pubblikazzjoni tfasslet mill-awtur Fenech, flimkien ma’ għadd ta’ esperti mis-setturi tal-antropoloġija, l-arti performattiva, il-manifattura tal-piroteknika u akkademiċi liturġiċi.