L-applikazzjonijiet għall-Curatorial School ta’ Valletta 2018, li din is-sena se ssir bejn it-Tnejn 3 ta’ Settembru u l-Ġimgħa 7 ta’ Settembru, issa jinsabu miftuħa.

Din l-iskola ta’ kurazija organizzata minn Valletta 2018 tikkonsisti f’ġimgħa ta’ lekċers u workshopsintensivi minn kuraturi u esperti internazzjonali rinomati f’dan il-qasam. Din l-iskola tipprovdi opportunità unika sabiex studenti tal-arti itejbu l-iżvilupp tal-karrieri tagħhom fil-qasam tal-kurazija, permezz ta’ serje ta’ lekċers informattivi u opportunitajiet għal netwerking professjonali.

It-tema ta’ din is-sena hi ‘Prattiki soċjali fl-arti kontemporanja u l-kurazija’, li se tiffoka fuq prattiki artistiċi ta’ kurazija li jinvolvu udjenzi u gruppi speċifiċi ta’ nies direttament. Arti ta’ prattika soċjali hi tipikament kollaborattiva, performattiva u interdixxiplinarja, u tgħaqqad flimkien diversi setturi fosthom l-etnografija, l-arti tal-komunità, l-attiviżmu, u forom ta’ kurazija sperimentali.

Il-preżentazzjonijiet minn kelliema individwali kif ukoll workshops li se jsiru, se jitrattaw suġġetti bħal kif kuratur jista’ jipproduċi proġetti li jinkludu elementi partiċipatorji u li jimmanifestaw ruħhom f’mużew għal perjodu twil ta’ żmien, kif l-involviment politiku fl-istituzzjonijiet jista’ jiġi formulat u ppjanat bl-għan li jistimula l-bidla soċjali, kif nistgħu nibnu ftehim kollettiv dwar it-territorju meta t-territorji huma mkissrin, kif kuraturi jistgħu jattivaw u jintervjenu f’kuntesti fil-ħajja ta’ kuljum, u kif il-prattika tal-arti tista’ titħallat mal-politika l-attiviżmu b’mod sinifikanti.

Waqt workshops interattivi li se jiġu offruti kuljum, dawk li jipparteċipaw se jingħataw l-opportunit li jirrispondu għal kompiti ppreparati mill-kuraturi mistiedna, kif ukoll li jingħataw rispons estensiv dwar aspetti tal-kurazija, ir-riċerka, il-produzzjoni u l-preżentazzjoni ta’ ideat ġodda. Kull workshop hu mmirat għal grupp żgħir ta’ studenti, li għandhom jindikaw il-preferenza tagħhom fil-formola tal-applikazzjoni (f’ordni ta’ preferenza minn 1 sa 3). L-istudenti kollha se jiġu allokati minn tal-inqas workshopwieħed (mhux neċessarjament dak tal-ewwel preferenza).

Il-kelliema mistiedna huma l-kuratur, artist, kittieb u edukatur Irlandiż Dr Paul O’Neill; l-artista internazzjonali Jeanne van Heeswijk; il-kuratur tal prattiċi pubbliċi ta’ Tate Liverpool u senior lecturer tal-istudji tal-esibizzjoni fl-universita’ John Moores f’Liverpool Dr Michael Birchall; l-istorjografa, kuratriċi u kittieba Nina Möntmann; kuratriċi u artista Kelly Large, u l-kittieb, kuratur, u xandar Alfredo Cramerotti.

Il-Curatorial School 2018 se ssir bejn it-Tnejn 3 ta’ Settembru u l-Ġimgħa 7 ta’ Settembru. Il-lekċers se jsiru bejn id-9.00am u t-3.30pm fil-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta. Il-ħlas biex wieħed jattendi l-Curatorial School hu ta’ €110, iżda qed jiġi offrut prezz ridott għal €60 lil studenti li bħalissa huma reġistrati f’ xi kors ta’ studju ieħor.  L-applikazzjonijiet jibqgħu miftuħa sat-30 ta’ Ġunju, 2018.

Il-Curatorial School hi proġett ta Valletta 2018, u hi parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018.

Għall-programm sħiħ ta’ lekċers u workshops, il-bijografiji tal-kuraturi u biex tapplika żur valletta2018.org/curatorial-school-2018.