Años Luz, waħda mill-attivitajiet ewlenin ta’ Valletta 2018 għas-sena, se tittella’ fl-Iskola Primarja tal-Imqabba nhar is-Sibt 24 ta’ Frar fis-6pm u nhar il-Ħadd 25 ta’ Frar fl-4pm. Din ir-rappreżentazzjoni se tittella’ wkoll fiċ-Ċentru Parrokkjali Maria Lauretana f’Għajnsielem, Għawdex, fit-tmiem il-ġimgħa ta’ wara, jiġifieri s-Sibt 3 ta’ Marzu fis-6pm u l-Ħadd 4 ta’ Marzu fl-4pm.

Años Luz hija maħluqa mill-kumpanija Spanjola tat-teatru tad-dellijiet Luz Micro y Punto, kumpanija li ħadmet b’mod estensiv fuq it-teatru tad-dellijiet biex toħloq kapulavuri viżwalment impressjonanti.

L-istorja tittratta kompożitriċi li tkun fil-proċess li taħseb dwar il-kitba tal-biċċa xogħol mużikali li jmiss, u dan tiskoprih permezz ta’ proċess kreattiv divertenti.

Años Luz jinkludi wkoll workshop ta’ erbat ijiem ma’ artisti, li se jittella’ fi Spazju Kreattiv mis-26 ta’ Frar sal-1 ta’ Marzu. Din hija l-ewwel attività mill-programm ta’ Valletta 2018 għat-Tfal u ż-Żgħażagħ.

Años Luz hija addattata għal tfal minn erba’ snin ’il fuq. Biljetti li jiswew €5 għall-Imqabba huma disponibbli minn valletta2018.org.