Illum ittellgħu l-poloz tar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien li se ssir nhar is-7 ta’ April bħala parti mill-attivitajiet tal-Festa l-Kbira, li hija avveniment maġġuri fil-programm ta’ Valletta 2018.

Il-Port il-Kbir għal darb’oħra se joffri sfond għal din ir-regatta li fiha se jieħdu sehem 7 distretti: il-Birgu, Birżebbuġa,  Bormla, l-Isla, il-Kalkara, il-Marsa u Marsamxett, li se jipparteċipaw f’10 tlielaq f’żewġ kategoriji differenti; A u B. Din is-sena mistennija jieħdu sehem 120 qaddief li magħhom jiżdiedu 25 sostitut, b’għan komuni – li jirbħu s-shield tar-regatta ta’ Jum il-Ħelsien.

Din is-sena se ssir tellieqa speċjali għal iktar minn 40 parteċipant tar-regatta, deskritti bħala “Leġġendi tal-Port il-Kbir”. Din l-edizzjoni tar-regatta se tinkludi wkoll ix-shield speċjali tal- Valletta 2018.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li “SportMalta tagħti ‘input’ dirett fir-regatta nazzjonali billi tagħti l-għajnuna tagħha finanzjarjament biex isir dan l-avviniment, tieħu ħsieb il-loġistika tar-regatta, iżda tagħti awtonomija lill-Federazzjoni fir-rigward tat-tlielaq, tassisti lill-klabbs kollha b’assistenza finanzjarja biex jibnu dgħajsa kull klabb u kif ukoll fuq il-websajt ta’ SportMalta r-riżultati tar-regatta jiġu trażmessi live.”

“Din is-sena se jkollna iktar minn 40 parteċipant li se jikkompeti għat-tarka ta’ Valletta 2018.  L-edizzjoni 2018 tar-regatta se tibqa’ leali lejn it-tradizzjoni li aħna bħala Maltin tant inħobbu, iżda, bħal diversi avvenimenti tul din is-sena, se tħaddan l-ispirtu tant b’saħħtu ta’ Valletta 2018”, stqarr Debattista.

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef fakkar li “din l-edizzjoni tar-regatta hija attività speċjali għax marbuta mal-Festa l-Kbira, inizjattiva tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li permezz tagħha l-kultura tingħaqad mat-tradizzjoni tal-isport tar-regatta, u għaqdiet differenti mill-Kottonera u l-Belt Valletta flimkien”.

Tradizzjonalment, id-dgħajjes li jintużaw huma frejgatini, kajjikki, dgħajjes tal-pass u tal-midalji.  Dawn id-dgħajjes huma esebizzjoni ħajja ta’ sengħa li kull ma tmur qiegħda tintilef.  Dan għaliex dawn id-dgħajjes huma wkoll mibnija f’pajjiżna. Oriġinarjament, id-dgħajjes kienu tal-istess għamla bħal dawk li kienu jintużaw fil-ħidma ta’ kuljum mill-barklori, madankollu maż-żmien saru xi modifikazzjonijiet biex dawn ikunu aktar utilizzati bħala dgħajjes tat-tlielaq.

Il-korsiji tar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se jkun kif ġej:

regatta MT