Il-Port il-Kbir se jospita l-ikbar spettaklu ta’ kull żmien waqt il-Valletta Pageant of the Seas li se ssir fis-7 ta’ Ġunju mill-5.30pm ‘il quddiem.

Għalkemm l-attivitajiet waqt il-Valletta Pageant of the Seas se jkunu viżibbli minn diversi postijiet madwar il-Port il-Kbir, il-pubbliku hu mħeġġeġ li jsegwi min-naħa tal-Belt Valletta sabiex ma jitlef l-ebda dettall minn dan l-ispettaklu li se jibqa’ għaddej sa tard filgħaxija.

It-toroq bejn Evans Building u l-Għolja tal-Kurċifiss (ħdejn il-Valletta Waterfront) se jkunu magħluqa għat-traffiku (b’eċċezzjoni għar-residenti) bejn il-Ħamis 7 ta’ Ġunju fid-9AM u l-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju fis-1AM. Il-pubbliku mħeġġeġ jaħseb kmieni u jagħmel użu mit-trasport pubbliku li se jkun qed jopera b’servizz normali bħal dak ta’ fost il-ġimgħa mit-3pm ’il quddiem, minkejja li festa pubblika.

Ir-rotta tal-karozza tal-linja numru 133 li ddur mal-Belt Valletta, se tkun qed topera minn toroq differenti nhar is-7 ta’ Ġunju mis-6pm ’il quddiem. Minn Triq l-Ifran, il-karozza se tgħaddi lejn Triq Marsamxett, Triq l-Assedju l-Kbir (ħdejn il-lukanda Excelsior) u lejn it-Terminus tal-Belt, mingħajr ma tgħaddi minn Ta’ Liesse u l-Furjana. Din ir-rotta m’hix se tieqaf fuq il-waqfiet li ġejjin: Iermu, Imgerbeb, Kavallieri, Barrakka, Liesse, Lascaris, Kurċifiss, Polyclinic, Boffa.

Is-servizz ta’ lanċa fil-port (ferry shuttle service) se jkun qed jopera bejn il-11.30pm u s-1.00am.

Madwar 1,000 ruħ taw sehemhom fil-Valletta Pageant of the Seas, li se joffri spettaklu uniku fil-Port il-Kbir. Waħda mill-iktar attivitajiet antiċipati tal-jum hi l-wirja minn La Fura Dels Baus, li qed tittella minn madwar 400 Malti u Maltija li ħadmu id f’id mal-kumpanija Spanjola sabiex joħolqu dan l-ispettaklu. La Fura Dels Baus se jagħtu wirja spettakolari, hekk kif se jirritornaw f’pajjiżna b’korjografija ġdida għall-Valletta Pageant of the Seas. Dawn tal-aħħar għamlu d-debutt tagħhom f’Malta waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fil-Belt Valletta, fejn tellgħu spettaklu kbir fi Pjazza Tritoni. In-narrattiva hi ispirata mir-relazzjoni li teżisti bejn Malta u l-baħar, u mistennija tkun sorpriża għall-pubbliku. Il-filosofija tal-grupp hi dik li tingħata definizzjoni ġdida għall-ispazju permezz tal-użu ta’ spazji mhux tas-soltu; kwalità li żgur li se toħroġ fil-beraħ waqt l-ispettaklu fil-Port il-Kbir.

Il-Grand Entry se tagħti bidu għall-ispettaklu; pageant epika fejn il-Granmastru, flimkien ma’ In Guardia, jidħol fil-Port il-Kbir fuq il-Fernandes li se jkun imżejjen apposta għall-okkażjoni, akkumpanjat minn numru ta’ dgħajjes privati. In Guardia se jkunu qed jakkumpanjaw lill-Granmastru waqt li lebsin l-ilbies tal-epoka sinonimu magħhom. Il-grupp hu magħruf għar-reċtar tal-epoka ta’ diversi avvenimenti storiċi f’Malta, u ha sehem ukoll f’wirjiet f’pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Greċja, ir-Repubblika Ċeka, Sqallija u l-Ġermanja.

Matul il-jum se jkun hemm numru ta’ tlielaq kompetittivi bil-parteċipazzjoni ta’ mijiet ta’ nies. Il-pubbliku mistieden jipparteċipa fl-Għawma Toni Bajada; attività tal-għawm fejn madwar 200 ruħ mistennija jgħumu fil-Port il-Kbir minn Forti Sant’Anġlu sal-Belt. Din l-għawma tiċċelebra lil Toni Bajada, li skont il-leġġenda kien jgħum bejn Sant’Anġlu u Sant’Iermu waqt l-Assedju l-Kbir biex jaqsam informazzjoni importanti li jkun irnexxielu jiġbor mill-Ottomani mal-Kavallieri. Dawk interessati li jipparteċipaw jistgħu jirreġistraw dakinhar stess f’Xatt il-Barriera (ħdejn il-Pixkerija l-antika), fl-4pm.

Se ssir ukoll regatta bil-parteċipazzjoni ta’ madwar 16-il dgħajsa, fejn għadd ta’ qaddiefa Maltin u internazzjonali se jkunu qed jaqdfu mid-Dwana l-antika lejn Ras Ħanżir u lura. It-tim rebbieħ se jingħata l-Palju de Vallette; bandalora sewda disinjata minn Antoine Farrugia, mżejna b’disinn Barokk li jirrappreżenta s-seba’ distretti u d-dgħajjes li qed jieħdu sehem fir-regatta. Il-Valletta Pageant of the Seas se tara wkoll iktar minn 20 parteċipant li wżaw il-kreattività tagħhom biex joħolqu raftijiet minn materjal riċiklat mingħajr l-għajnuna ta’ mutur jew moqdief li se jtellqu waqt it-Tellieqa Telliqun, filwaqt li 12-il powerboat tat-tip Chaudron se jippreżentaw il-korjografija tagħhom fil-Port il-Kbir.

Dan l-avveniment hu organizzat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, b’kollaborazzjoni ma’ In Guardia, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Birkirkara St Joseph Sports Club, Għaqda Regatta Nazzjonali, Chaudron Powerboats, Surfside Charter Company Ltd, Mad About Video Ltd, La Fura Dels Baus, is-Soċjetà Mużikali ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq, il-kamra tan-nar ta’ San Ġorġ, u l-Independent Fireworks Factory. Dan l-avveniment hu ssapportjat mill-Forzi Armati ta’ Malta, il-Pulizija ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ir-Red Cross, il-kunsilli lokali rispettivi tal-Belt Valletta, l-Furjana, l-Isla u l-Kalkara, il-Kunsill Malti għall-Arti u Heritage Malta.

Għal iktar informazzjoni żur valletta2018.org.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd, Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta.