It-tieni edizzjoni tal-Ikla t-Tajba, imtella mill-Fondazzjoni Valletta 2018, se toffri lill-pubbliku togħma oriġinali ta’ street food ispirat minn ikel tradizzjonali Malti waqt Notte Bianca, għat-tieni sena konsekuttiva.

Taħt il-gwida ta’ David Darmanin, chef ibbażat f’Londra, grupp ta’ żgħażagħ qed jitgħallmu jsajru filwaqt li jieħdu taħriġ f’oqsma differenti relatati mal-kċina. Il-parteċipanti kienu mitluba joħolqu riċetti oriġinali billi jużaw ingredjenti friski u lokali bl-għan li dawn jiġu ppreparati u servuti waqt l-għaxar edizzjoni tan-Notte Bianca, fit-3 ta’ Ottubru.

Il-parteċipanti jiġu minn Youth Inc., programm inklussiv u edukattiv immexxi minn Aġenzija Żgħażagħ. Dawn iż-żgħażagħ huma maqsumin f’gruppi differenti biex joħolqu menu varjat u kreattiv mimli ikel tajjeb li jgħaqqad ingredjenti lokali ma’ influenzi varji.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 qal “L-Ikla t-Tajba hija investiment fil-futur ta’ dawn iż-żgħażagħ li tgħallmu ħiliet essenzjali li se jkunu ta’ benefiċċju fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. F’dan il-proġett qed niċċelebraw ukoll l-ikel bnin msajjar minn ingredjenti friski u lokali.”

David Darmanin qal li għal darb’oħra dan kien esperiment ta’ suċċess. “Din l-esperjenza se tibqa’ magħhom u nispera li sservihom bħala ispirazzjoni għal futur għax l-ikel mhux biss jgħaqqad lin-nies flimkien, imma jservi ta’ ispirazzjoni ukoll,” qal hu.

Nicole Pisani, chef ukoll ibbażata f’Londra, se tkun qed tifforma parti minn grupp ta’ koki barranin li huma mistiedna għall-avveniment. Dawn jinkludu, Luca Bevere, Maria Paola Bruni u Thomas Fletcher, u li se jkunu qed imexxu l-erba’ gruppi ta’ żgħażagħ waqt Notte Bianca.

Il-koki żgħar ħolqu menu li jinkludi sorpriżi kurjużi bħal fusion cuisine Vietnamiż-Malti; tgeżwiriet bil-gambli ħomor, jew ftizza, li hi pizza maħduma minn għagina tal-ftira u mimlija bil-klin, zalzett Malti, zalza tat-tadam, basal ikaramelizzat u ġbejna friska.

Ix-Chef David kellu sfida din is-sena biex jgħallem dawn iż-żgħażagħ japprezzaw il-ħsieb li jidħol fil-preparazzjoni ta’ l-ikel kif ukoll jaqsam magħhom għarfien dwar l-arti tat-tisjir waqt li jħeġġiġhom jużaw il-kreattività tagħhom biex itejbu ikel tradizzjonali.