Who By Fire, l-installazzjoni akustika ta’ Valletta 2018 fiċ-ċisterni ta’ taħt l-art quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta, ġiet magħżula għal nominazzjoni għal- ‘Leading Culture Destinations’ Award 2018.

L-artista Skoċċiża u r-rebbieħa tal-Premju Turner Susan Philipsz, ħolqot Who By Fire bħala parti mill-wirja ewlenija ta’ arti viżiva kontemporanja Dal-Baħar Madwarha. L-installazzjoni ġiet magħżula għall-kategorija ‘Best Activation Award; premju prestiġjuż internazzjonali mogħti minn Leading Culture Destinations (LCD).

Kull sena, l-LCD tiċċelebra l-aqwa destinazzjonijiet tal-kultura stabbiliti u emerġenti mad-dinja kollha, u tagħti ħarsa lejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li għandhom l-iktar proġetti kulturali li jħallu impatt. L-Awards, li huma magħrufa bħala “L-Oscars għall-Mużewijiet”, jinsabu fil-ħames sena tagħhom u għażlu firxa ta’ destinazzjonijiet kulturali minn madwar id-dinja.

Apparti esibizzjonijiet, arti viżiva u arkitettura, ristoranti, ħwienet, esperjenzi diġitali u spazji tal-enerġija ħadra, huma fost is-suġġetti magħżula għall-premjijiet. Iċ-ċerimonja sseħħ f’Londra f’Settembru li ġej.

Who By Fire trattat il-ħoss ta’ qniepen li jinsabu fil-Knisja tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema. Philipsz ġiet ispirata minn qanpiena navali mkissra salvata mill-HMS Illustrious. Illum din il-qanpiena, li hija esibita fil-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra f’Sant’Iermu, hi tifkira tal-impatt tar-rejds tal-ajru f’Malta matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-ħoss li jwaħħax tal-qniepen li jsejħu lil xulxin u l-vuċi melodjuża ta’ Philipsz tkanta ‘Who By Fire’, kanzunetta ta’ Leonard Cohen, attivaw  l-akustika ġewwa ċ-ċisterna inkredibbli ta’ taħt l-art. Flimkien mal-istorja rikka taċ-ċisterna, dawn il-ħsejjes indirizzaw il-memorji minsija tal-kulturi lokali tal-passat.

Aktar minn 9,000 persuna żaru ċ-ċisterna fi tliet xhur.

Who By Fire kienet parti mill-wirja ewlenija tal-arti viżiva ta’ Valletta 2018, Dal-Baħar Madwarha ikkurata minn Maren Richter, li kienet miftuħa għall-pubbliku bejn Marzu u Ġunju 2018.

Għalkemm iċ-ċisterna ta’ taħt l-art issa tinsab magħluqa, hemm pjanijiet  biex tiftaħ mill-ġdid għall-pubbliku fil-futur qarib.