Magna Żmien tippreżenta serje ta’ avvenimenti bit-titlu ta’ ‘L-Inżul tal-Magna ta’ Memorji Meraviljużi’ bħala parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018. Dawn jibdew fis-16 ta’ Ġunju fit-8.30pm, f’Misraħ iż-Żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Mellieħa.

L-avveniment fil-Mellieħa, li se jiġi organizzat b’kollaborazzjoni ma’ Solar Cinema u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, se jinkludi rappreżentazzjoni tal-magna taż-żmien minn ‘Armchair Voyager Wistin’ u l-Banda ta’ Memorji Meraviljużi, installazzjoni tal-awdjo u l-vidjo minn Timothy Garret u Tiny Island Studio u programm ta’ films qosra kkurat minn Solar Cinema bit-tema tal-memorji.

Sa mill-bidu tagħha, Magna Żmien wettqet riċerka bl-għajnuna tal-kunsilli lokali ta’ erba lokalitajiet: il-Kalkara, il-Mellieħa, is-Siġġiewi u r-Rabat, Għawdex, u nkoraġġiet lin-nies biex jaqsmu l-memorji tagħhom ma’ dan il-proġett. Nies minn lokalitajiet oħra huma wkoll mistiedna jipparteċipaw.

Kull avveniment f’din is-serje se juri kontenut ikkurat u interpretazzjonijiet artistiċi ta’ memorji lokali miġbura minn kollezzjonijiet antiki ta’ awdjo u vidjo.

Magna Żmien hu moviment li jiġbor, jikkonverti u jagħti l-ħajja lil memorji li qed jintesew permezz tad-diġitizzazzjoni ta’ kollezzjonijiet ta’ awdjo u vidjo.

Biex tissottometti l-kollezzjoni tiegħek żur magnazmien.com jew ċempel fuq +356 7706 0232.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd, Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta.