Eluf ta’ persuni inġabru fil-Belt Valletta fit-tmiem il-ġimgħa li għadda biex igawdu minn dimostrazzjoni fuq barra għall-edizzjoni speċjali ta’ din is-sena tal-Malta Military Tattoo fl-okkażjoni tal-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura, li saret fi Pjazza San Ġorġ fil-21, it-22 u t-23 ta’ Settembru.

Ir-rappreżentazzjonijiet bdew kuljum fis-7pm mill-Bitħa tal-Palazz tal-Granmastru, u inkludew il-parteċipazzjoni ta’ diversi gruppi internazzjonali bħal Topside, il-banda tar-ram tal-Forzi Navali tal-Istati Uniti fuq stil ta’ New Orleans, u l-Bersaglieri di Trapani minn Trapani, Sqallija. L-Emerald Isle Dance Team ingħaqdu ma’ dawn il-baned militari internazzjonali; dawn inkludew formazzjoni ta’ żeffiena minn Dublin u Kildare fl-Irlanda, immexxijja minn membri tal-famuża Cairde Damhsa Irish Dance Teachers Association.

Diversi gruppi militari lokali pparteċipaw ukoll, fosthom il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, id-Drill Team tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-banda tal-Forza tal-Pulizija ta’ Malta u d-Drill Team tal-Forza tal-Pulizija.

Il-Malta Military Tattoo hija organizzata mill-MFCC, bl-appoġġ u l-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.