Artisti lokali minn setturi differenti tax-xena artistika Maltija qed jerġgħu jingħataw l-opportunità biex jesportaw ix-xogħol u t-talent tagħhom għall-udjenza internazzjonali grazzi għal Malta Showcase, inizjattiva immexxija mill-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, ŻiguŻajg – il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ u ċ-Ċentru għall-Kreattività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal, “Permezz ta’ Malta Showcase, il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed taqsam l-aħjar aspetti tal-kultura Maltija u prestazzjonijiet lokali ma’ diretturi u programmaturi internazzjonali. Din l-inizjattiva se timmassimiżża l-potenzjal u tkattar ir-reputazzjoni tal-artisti kontemporanji Maltin u tirriżulta fi tkabbir kulturali, ekonomiku u soċjali.”

Malta Showcase huwa eżempju ċar ta’ kif il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tagħti prijorità lil proġetti strateġiċi fit-tul li minnhom se jgawdi s-settur kreattiv.

Toni Attard, id-Direttur tal-Istrateġija fil-Kunsill Malti għall-Arti sostna “Permezz ta’ Malta Showcase qed jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-artisti u pjattaforma kollaborattiva bejn organizzazzjonijiet kulturali u msieħba internazzjonali.”

Malta Showcase hija kollezzjoni mirquma ta’ repertorju Malti lest biex jiġi pprogrammat minn festivals, teatri u organizzazzjonijiet kulturali internazzjonali. Din il-kollezzjoni ġiet ippubblikata u qed titqassam lil programmaturi internazzjonali li huma interessati biex jinkludu t-talent lokali fil-festivals u l-programmi tagħhom. Pjattaformi, udjenzi u netwerks huma essenzjali għat-tkabbir u l-iżvilupp tas-settur kreattiv u l-professjonaliżżazzjoni tal-artisti.

Il-publikazzjoni hija maqsuma f’ħames sezzjonijiet: żfin, teatru, mużika, udjenzi żgħar u bands. Mgħamula minn 44 reportorju differenti, il-kollezzjoni kibbret sostanzjalment minn dik li harġet f’Lulju tas-sena l-oħra. Ir-repertorji huma diversi, minn żfin kontemporarju għal kummiedja, teatru kontemporarju, spettakli nterattivi, u mużika live.

Il-publikazzjoni stampata ta’ Malta Showcase ser tintbgħat lil diversi entitajiet kulturali internazzjonali kif ukoll diretturi u programmataturi tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, ambaxxaturi u diretturi tal-festivals. Informazzjoni dwar l-44 repertorju li huma parti minn Malta Showcase Portfolio 2015 tista’ tinkiseb minn fuq is-sit eletroniku www.maltashowcase.com.