Mewweġ, installazzjoni artistika minn Enriquè Tabone, spirata mil-kunċett ta’ benniena, se tkun f’ Couvre Port bħala parti minn Birgufest 2014, mill-Ġimgħa 10 sal-Ħadd 12 ta’ Ottubru.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni din il-ġimgħa fil-Birgu, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal: “Valletta 2018 mhix biss dwar attività fil-Kapitali imma ukoll dwar attivitajiet fuq skala iżgħar li jiżviluppaw madwar il-gżira u f’kommunitajiet differenti. Valletta 2018 qed tieħu rwol importanti ħafna fl-iżvilupp ta’ talenti u ideat”.

Il-Birgu serva bħala xenarju għal numru ta’ proġetti ta’ Valletta 2018 fosthom ‘Qatt ma Ninsa – Life at Sea’ fil-Mużew Marittimu, f’Ġunju u l-prestazzjoni ispirata mill-istess attività ‘Qatt ma Ninsa – Birgu’ mit-Teatru Manoel Youth Theatre, ix-xahar li għadda.

L-arti kif espressa minn Enriquè Tabone hija ispirata minn sperimentazzjoni b’varjetà ta’ materjali u midja. Waqt il-mument kreattiv, l-artista tqis lilha nfisha bħala estensjoni tal-midja li tuża u viċi-versa. Enrique’ tintervjeni fuq il-materjal sabiex issir tifhmu u issir kapaċi tesplora l-limiti u l-preġji tiegħu skont il-midja li tkun ser tintuża. Dan il-proċess kreattiv jgħin lil Enrique’ tesprimi ħsibijietha filwaqt li jinstiga ħsieb fl-udjenza. Xogħol Enrique’ Tabone joffri esperjenza interattiva fejn l-udjenza issir parteċipi max-xogħol artistiku. Il-viżitaturi huma mistiedna sabiex jsiru parti minn din in-narrattiva f’xogħol Enrique’, permezz tal-esperjenza personali tagħhom.

L-installazjoni, ikkommissjonata minn Valletta 2018, hija mgħamulha minn perspex trasparenti u xemgħat. B’hekk il-materjal innifsu jirrifletti d-dawl u l-istallazzjoni tiċċaqlaq permezz ta’ mutur. Hija mgħamulha minn kważi 40 biċċa li kull waħda tidħol fl-oħra bħal jigsaw puzzle. Teknika mgħarufa bħala press fit ġiet użata biex inbniet Mewweġ.

Filwaqt li ġġedded il-memorja tal-varar ċerimonjali tad-dagħajsa “tal-pass” ġewwa l-Birgu, fejn l-l-istess dagħajsa kienet tgawdi l-ammirazzjoni iżda anki l-kritika tal-poplu, Mewweġ iddaħħalna fi djalogu dwar il-pass taż-żminijiet igerrbu. Il-qafas delikat huwa rifless f’moviment li kważi kważi, ikebbes it-tama. Mewweġ tistedinna sabiex ninsġu stejjer ġodda fl-esperjenza personali tagħna max-xogħol artistiku mhux biss fil-preżenza ta’ dawlha u dellha iżda anki fi spazji oħra li l-għajn qatt ma tista’ dduq.

Photo: Elisa Von Brockdorff