Hekk kif is-sena li fiha l-Belt Valletta għandha t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura taħbat mal-għoxrin anniversarju tal-Malta Fashion Awards, Pjazza Tritoni fil-Belt se tospita l-ikbar edizzjoni ta’ dan l-avveniment s’issa!

Iżjed minn qatt qabel, din is-sena l-Belt Valletta hi l-post perfett sabiex tilqa’ l-Malta Fashion Week u l-Malta Fashion Awards, li ta’ kull sena jippromwovu u jkattru l-industrija tal-moda f’pajjiżna li kull ma jmur dejjem qed tikber.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Mercedes-Benz Malta Fashion Week, li hi wkoll parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018, se tinkludi numru ta’ attivitajiet madwar diversi postijiet fil-Belt Valletta, fosthom esibizzjoni ta’ disinjaturi u rkant għall-karità fis-Suq tal-Belt, u sfilati tal-moda minn disinjaturi lokali u internazzjonali fil-Forti Sant’Iermu. Matul il-Ġimgħa, diversi disinjaturi flimkien mat-timijiet li jieħdu ħsieb ix-xagħar u l-irtokk rispettivi se jkunu qed jieħdu ritratti tal-kollezzjonijiet ta’ ħwejjeġ tagħhom madwar il-Belt Valletta. L-iktar lejl antiċipat, dak tal-Chamilia Malta Fashion Awards, se jseħħ fi Pjazza Tritoni li ġiet rinovata riċentament. Din tal-aħħar se tkun trasformata f’palk kbir fejn dawk preżenti jistgħu jassistu għal lejl ta’ moda, talent, kultura u ċelebrazzjoni.

Uħud mill-aqwa disinjaturi lokali se jkunu qed jippreżentaw il-kollezzjonijiet ġodda tagħhom fi sfilati tal-moda li se jsiru matul il-ġimgħa f’Sant Iermu. Dawn jinkludu Parascandalo, Gaetano, Ritienne Zammit, Herman Vassallo, Carla Grima, Rosemarie Abela, Isle&Aqua ta’ Giulia Pandolfino u Yana’s Jewellery. Il-Malta Fashion Week se tinkludi wkoll sfilati ta’ moda minn disinjaturi internazzjonali fosthom Agatha Ruiz de la Prada (Spanja), Herminas Reea (Greċja), Sif Jakobs (Danimarka), Eymeric Francois (Franza), Jason Grech (Awstralja), Bata Spasojevic (Serbja) and Ocantos (Arġentina) kif ukoll sfilati minn Dizz Group, The Point u Gagliardi.

Waqt konferenza stampa iktar kmieni llum, iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef qal li “wara għoxrin sena, il-Malta Fashion Week m’għadhiex biss avveniment lokali annwali, iżda saret avveniment internazzjonali. Valletta 2018 qed tipprovdi opportunità unika għall-Belt Valletta sabiex tilqa’ avveniment bħal dan, hekk kif l-arti, l-arkitettura u l-kultura tal-Belt jitħalltu mal-moda. Din is-sena, il-Fashion Week se testendi bejn iż-żewġ ponot fit-truf tal-Belt, minn Ġnien il-Biskuttin sal-Forti Sant’Iermu. Dan l-avveniment jiċċelebra l-aspetti nazzjonali u internazzjonali ta’ Valletta 2018, hekk kif artisti minn madwar id-dinja se jippreżentaw il-kollezzjonijiet tagħhom fil-belt eċċezzjonali tagħna.”

Il-Fundatur u Produttur Eżekuttiv tal-Malta Fashion Week Adrian Mizzi qal li “din is-sena se jkun hemm il-preżenza ta’ disinjaturi minn madwar id-dinja, inkluż dawk mill-Awstralja u l-Arġentina. Avvenimenti bħal dawn m’humiex biss kummerċjali, iżda huma wkoll opportunità biex nippromwovu l-arti, l-istorja u l-kultura Maltija internazzjonalment. Il-Malta Fashion Week tiftaħ tieqa fuq Malta permezz tal-moda. Din is-sena, 17,000 ruħ urew interess sabiex jiksbu invit għall-Fashion Week f’inqas minn 24 siegħa. Dan juri kemm tassew kiber dan l-avveniment.”

Il-Malta Fashion Week se ssir bejn is-Sibt 26 ta’ Mejju u s-Sibt 2 ta’ Ġunju fil-Belt Valletta, bil-Chamilia Malta Fashion Awards fis-serata finali.

Il-Malta Fashion Week hi appoġġjata minn Valletta 2018. Għal iktar informazzjoni żur valletta2018.org.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd, Bavaria u Bank of Valletta.