Il-Fondazzjoni Valletta 2018, flimkien mal-kumpanija privata Valletta Ferry Services, ħabbret skeda ġdida għal konnessjonijiet aħjar bil-laneċ bejn il-Belt Valletta, Tas-Sliema u t-Tlett Ibliet.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef ħabbar li “Il-Fondazzjoni laħqet ftehim mal-kumpanija privata li qed tħaddem dan is-servizz u għall-ewwel darba l-ħinijiet li matulhom jaħdmu l-laneċ ġew estiżi sa nofs il-lejl. B’hekk, bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru, il-laneċ bejn Tas-Sliema u l-Belt Valletta joperaw mis-7am sa nofs il-lejl mingħajr interruzzjoni, filwaqt li dawk bejn il-Belt Valletta u t-Tlett Ibliet joperaw sal-11.00pm”.

Dan il-ftehim huwa importanti ħafna għax se jgħati spinta akbar lill-attività ekonomika, soċjali u kulturali fuq iż-żewġ naħat tal-port u l-ibliet rispettivi għax issa l-pubbliku se jkun jista jasal il-Belt Valletta u l-ibliet l-oħra, jattendi attivitajiet kulturali fosthom it-Teatru Manoel, Pjazza Teatru Rjal u fiċ-Ċentru tal-Kreattività ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbu u postijiet oħrajn sa tard bil-lejl u jixtri sal-għeluq tal-ħin tal-ħwienet – xi ħaġa li sal-lum qatt ma kienet possibli.

Il-laneċ il-ġodda tat-tip catamaran ġew attrezzati b’information stands ta’ Valletta 2018 b’materjal stampat dwar postijiet ta’ interess fil-Belt Valletta u attivitajiet kulturali matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Għalhekk, dan il-proġett bi sħab mal-privat, huwa pass ieħor importanti lejn ir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta bil-fatti.

Id-Direttur tal-Valletta Ferry Services, Michael Zammit Tabona qal, “Il-kumpanija qed tagħti l-appoġġ tagħha lill-Fondazzjoni Valletta 2018 fil-promozzjoni tal-Belt Valletta bħala attrazzjoni kulturali u post ta’ divertiment fejn m’hemmx bżonn tmur bil-karrozza”.

Huwa tenna li l-Belt Valletta għandha numru ta’ lukandi, ristoranti u postijiet ta’ interess. Il-kumpanija Valletta Ferry Services temmen bis-sħiħ fir-riġenerazzjoni tal-Belt għaliex verament toffri esperjenza unika li dawk kollha li jgħixuha u jżuruha u għalhekk ħadmet mal-Fondazzjoni Valletta 2018 biex tiżdied l-aċċessibilità fix-xhur tas-sajf. Il-laneċ il-ġodda huma komdi ferm u joffru mod pjaċevoli kif wieħed jasal fid-destinazzjoni tiegħu f’qasir żmien.

Iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Dr Gavin Gulia nnota li din hija aħbar importanti ħafna għall-industrija tat-turiżmu peress li s-servizz tal-laneċ huwa popolari ferm mat-turisti. Dan is-servizz qiegħed iżid l-aċċessibilità bejn il-belt kapitali tagħna, Tas-Sliema u t-Tlett Ibliet fejn qed jiżdiedu l-faċilitajiet għat-turisti u anke l-akkommodazzjoni inkluż il-boutique hotels. Ir-riġenerazzjoni fil-Belt Valletta u ż-żona tal-port fil-mixja lejn l-2018 toħloq atttività u attrazzjonijiet ġodda li jiġbdu lit-turisti lejn dawn il-postijiet kif ukoll lejn pajjiżna.

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 temmen bis-sħiħ fir-rabta li t-Tlett Ibliet kif ukoll in-naħa l-oħra tal-port ta’ Marsamxett għandhom fil-mixja lejn l-2018. Iż-żona tal-Port il-Kbir u dik ta’ Tas-Sliema huma importanti ferm fir-riġenerazzjoni ekonomika u soċjali. Kien għalhekk li sa mill-bidu nett, il-Fondazzjoni Valletta 2018 fetħet diskussjonijiet ma’ entitajiet pubbliċi fosthom Transport Malta, kif ukoll mal-privat, biex il-Belt Valletta u ż-żona li ddawwar iż-żewġ portijiet, dak ta’ Marsamxett u l-Port il-Kbir, ikomplu jiżviluppaw servizzi u mezzi ta’ trasport bil-baħar li jaqdu kemm lill-Maltin kif ukoll lit-turisti li jkunu qed iżuru pajjiżna. Għalhekk huwa kruċjali li jkun hemm pont ta’ servizzi bil-baħar bejn il-Belt Valletta, t-Tlett Ibliet, u Tas-Sliema.

Il-Fondazzjoni saħqet u ħadmet biex dan il-proġett ikun qed jaħdem kif suppost sal-2018 u għalhekk tawgura li dan is-servizz b’ħinijiet estiżi, jkun imfittex sew mill-pubbliku u mit-turisti fix-xhur u s-snin li ġejjin, sal-2018 u lil hinn.

IMG_8437 resized