Il-Projezzjoni Diġitali għal sena oħra reġgħet dawlet l-faċċata tal-Palazz tal-Granmastru fi Pjazza San Ġorġ għall-festi.

Organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018 b’kollaborazzjoni mal-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST, dawn il-projezzjonijiet huma maħduma mill-istudenti tal-MCAST tal-BA Graphic Design and Interactive Media. Il-projezzonijiet ġew imnedija mill-Eċċelenza Tagħha l-President Marie-Louise Coleiro Preca u ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef.

Iċ-Ċermen tal-Valletta 2018 Jason Micallef tenna li, “Għal sena oħra l-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tkun katalista fl-innovazzjoni tal-attivitajiet kulturali fil-Belt Valletta fix-xahar ta’ Diċembru. Dan il-proġett b’kollaborazzjoni mal-MCAST huwa prova oħra tal-progress li qed naraw fit-twettieq tal-programm kulturali ta’ Valletta 2018 bħala parti integrali mir-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali fil-Belt Valletta.”

Dawn il-projezzjonijiet jiffukaw fuq il-karattri ta’ żewġ aħwa Ġorġ u Nina li jkunu qed iqassmu r-rigali lir-residenti tal-Belt waqt il-festi tal-Milied taħt id-direzzjoni ta’ Nina, il-kbira. Ġorġ, iż-żgħir, naqra mqareb u xi kultant jaf ikun naqra tost. L-aħwa jispiċċaw jargumentaw u wieħed mir-rigali jintilef. Ġorġ jipprova jsib ir-rigal mitluf f’qiegħ il-baħar u jirritornah qabel il-Milied.

Dawn il-projezzjonijiet se jitrasformaw il-faċċata tal-Palazz tal-Granmastru kull nofs siegħa bejn is-6pm u l-11pm, mit-23 sat-30 ta’ Diċembru. Se jkun hemm edizzjoni speċjali tal-Projezzjoni Diġitali b’countdown animat biex jimmarka l-aħħar mumenti tas-sena 2016 waqt il-festi ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena li se jkunu qed isiru ġewwa Pjazza San Ġorġ.