Solar Cinema, ċinema mobbli li taħdem kompletament bl-enerġija solari, se tkun f’pajjiżna matul is-sajf li ġej bħala parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018.

Solar World Cinema hi netwerk internazzjonali ta’ skrins taċ-ċinema mobbli li jitwaqqfu f’diversi spazji pubbliċi miftuħa madwar id-dinja, bl-għan li jwasslu films li qatt ma ntwerew qabel lill-pubbliku f’postijiet mhux tas-soltu. Kull ċinema mobbli hi kapaċi tħaddem lilha nnifisha mingħajr għajnuna permezz ta’ enerġija ġenerata 100% mix-xemx, grazzi għal pannelli fotovoltajċi li kapaċi jiġġeneraw biżżejjed enerġija biex jipproduċu għaxar sigħat ta’ filmat.

Wirjiet minn Solar Cinema se jittellgħu f’diversi spazji pubbliċi f’Malta u Għawdex matul is-sajf, fosthom fiż-Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ, Ħal-Luqa, Birkirkara, il-Qrendi, San Pawl il-Baħar, tas-Sliema, il-Mellieħa, Wied il-Għajn, Ta’ Xbiex, l-Imsida, ir-Rabat, Raħal Ġdid, l-Imġarr, il-Kalkara, Ħal-Lija, iż-Żejtun u Santa Luċija, kif ukoll fil-Qala, x-Xagħra u San Lawrenz f’Għawdex. Matul ir-rebbiegħa u s-sajf li ġej, kulħadd hu mistieden jieħu miegħu mħadda jew siġġu f’wieħed minn dawn il-postijiet, sabiex igawdi l-wirjiet ta’ films fl-apert kif ukoll id-diskussjonijiet li se jitqajmu wara l-films. Il-wirjiet kollha huma miftuħin għall-pubbliku bla ħlas, bejn Mejju u Ottubru 2018.

Solar Cinema tmur oltre l-fruntieri tad-dinja taċ-ċinema tradizzjonali, billi toffri programm ikkurat ta’ films qosra lokali u internazzjonali, dokumentarji li jġiegħlu lil dak li jkun jaħseb, animazzjonijiet u films li jiffukaw fuq numru ta’ kwistjonijiet soċjali kontroversjali, waqt li tagħti importanza lit-tema ta’ ambjent sostenibbli. It-temi tal-films jinkludu l-ivjaġġar u l-migrazzjoni, il-ħajja fuq gżira, l-ilma u l-ambjent kif ukoll ir-relazzjonijiet umani. L-għan ta’ Solar Cinema hu dak tad-demokratizzazzjoni tal-aċċess għaċ-ċinema, billi tinħoloq pjattaforma speċjali li permezz tagħha l-pubbliku jista’ jqatta’ ħin fi spazji pubbliċi fl-apert li jinbidlu f’teatri taċ-ċinema sostenibbli. Dan il-mod uniku ta’ kif jintwerew il-films iqajjem kuxjenza dwar l-importanza li nużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

F’Malta, Solar Cinema diġa organizzat workshops għat-tfal dwar films stop-motion waqt il-Valletta Green Festival. Dawn il-workshops jippromwovu l-kuxjenza ambjentali permezz tal-użu ta’ materjal riċiklat.

Għal iktar informazzjoni żur solarcinema.org. Biex iżżomm ruħek aġġornat dwar il-wirjiet ta’ Solar Cinema, żur il-paġna ta’ Facebook: Solar Cinema.

 

Programm ta’ wirjiet skont it-tema:

 

Films qosra għall-familja kollha

11 ta’ Mejju                 8.30pm            Misraħ ir-Repubblika, Żurrieq

24 ta’ Lulju                   8.30pm            Ġnien l-Għannejja, Żejtun

 

Dokumentarji

Two Trumpets for St Andrew
22 ta’ Mejju                 8.30pm            Zuntier tad-Dokkiena, Triq id-Dokkiena, Luqa

Sonic Sea
8 ta’ Ġunju                   8.30pm            Malta National Aquarium, San Pawl il-Baħar

Dolphin Man
17 ta’ Lulju                   8.30pm            Wied iż-Żurrieq, Qrendi

 

Films animati

Boy and the World
3 ta’ Lulju                     8.30pm            Marina tal-jottijiet, Ta’ Xbiex

Boy and the World
13 ta’ Awwissu             8.30pm            Ġnien is-Serenità (Ġnien iċ-Ċiniżi), Santa Luċija

The Red Turtle
21 ta’ Awwissu             8.30pm            Għajn Tuffieħa Scout Campsite, Mellieħa

 

Go Greener għat-tfal

18 ta’ Settembru         8.00pm            Bandli tal-Kalkara, Kalkara

 

Films qosra: Go Greener #1

19 ta’ Ġunju                 8.30pm            Pjazza San Ġużepp, Qala (Għawdex)

 

Films qosra: Go Greener #2

15 ta’ Mejju                 8.30pm            Misraħ l-Isptar, Żebbuġ

2 ta’ Awwissu               8.30pm            Ġonna Ġuże’ Ellul Mercer, Imsida

 

Films qosra: Encounters

29 ta’ Mejju                 8.30pm            Ġnien Sir Anthony Mamo (wara l-Knisja ta’ Sant’Elena),
Birkirkara

2 ta’ Ottubru                8.00pm            Ġnien Pawlu Boffa (ħdejn il-Kunsill Lokali), Raħal Ġdid

Films qosra: Into the Deep End

5 ta’ Ġunju                   8.30pm            Pjazza San Mattew (Tal-Maqluba), Qrendi

21 ta’ Settembru         8.00pm            Ċentru Rikreattiv, Ħal-Lija

 

Films qosra: Enroute

12 ta’ Ġunju                 8.30pm            Il-Bandli Mortimer, ħdejn l-Exiles/ħdejn it-Torri, Sliema

7 ta’ Awwissu               8.30pm            Palazz ta’ Selmun, Mellieħa

 

Films qosra: Memories

16 ta’ Ġunju                 8.30pm            Misraħ Ġwanni Pawlu II, Mellieħa

11 ta’ Settembru         8.00pm            Pjazza San Lawrenz, San Lawrenz (Għawdex)

 

Films qosra: About the Sea

9 ta’ Lulju                     8.30pm            Ir-Ramla, Xagħra (Għawdex)

29 ta’ Ġunju                 8.30pm            Pjazza Mifsud Bonnici (Fuq il-Bridge), Wied il-Għajn

 

Films qosra: Sense of Belonging

30 ta’ Lulju                   8.30pm            Ġonna Howard, l-Imdina