Nhar il-Ġimgħa li ġej, il-Fondazzjoni Valletta 2018 tistieden lill-pubbliku jsegwi l-ħruq ta’ ballun (Shell of Shells) uniku tax-xorta tiegħu, u li oriġinarjament kien sar għall-għeluq tal-Valletta Pageant of the Seas iżda minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp dakinhar ma kienx inħaraq u kien pospost għal data oħra.

Il-ballun, li huwa xogħol il-Kamra tan-Nar tas-Soċjetà Santa Katerina taż-Żurrieq, se jinħaraq minn fuq il-baħar permezz ta’ barkun 3.3 kilometri ‘l bogħod mix-xatt ta’ Wied iż-Żurrieq u 3.3 kilometri ‘l bogħod minn Filfla.

Il-ħruq tal-ballun se jsir fl-10pm. Bħal kull avveniment ieħor ta’ din ix-xorta, l-attività hi dipendenti minn kundizzjonijiet favorevoli tat-temp, filwaqt li saru studji, u se jiġu osservati l-aqwa prattiċi ambjentali matul l-attività kollha.