TEMPO, il-kunċert tal-għeluq taċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Ftuħ ta’ Valletta 2018 flimkien mad-DJ Malti ta’ fama internazzjonali Tenishia u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jittella’ fi Pjazza San Ġorġ fl-20 ta’ Jannar fil-11:30pm.

Il-kunċert, bid-direzzjoni ta’ Sigmund Mifsud, huwa vjaġġ lejn il-mużika dance elettronika li jibda mis-sebgħinijiet ’il quddiem u jinkludi 17-il diska ikonika li għenu biex jiffurmaw il-ġeneru tal-mużika dance elettronika matul is-snin.

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jinkludu l-ħoss tagħhom f’din is-selezzjoni, li se tinkludi mużika minn artisti bħal Depeche Mode, Daft Punk, Faithless u Paul van Dyk, fost l-oħrajn. Id-diski ġew maħduma u prodotti mill-ġdid biex jinkorporaw kemm is-sintetizzaturi kif ukoll l-istrumenti akustiċi, bir-riżultat ikun fużjoni mużikali unika.

Il-kunċert iġib fi tmiem iċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Ftuħ ta’ Erba’ Pjazez għas-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Ir-rappreżentazzjonijiet jibdew fis-7pm u se jittellgħu kull siegħa, bl-aħħar rappreżentazzjoni ssir fil-11pm, li se tiġi segwita minn TEMPO. Huwa ppjanat ukoll festival twil ġimgħa bi preparamenti għaċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Ftuħ, li jibdew fl-14 ta’ Jannar u jibqgħu għaddejjin sal-21 ta’ Jannar.