Darba Waħda, proġett ta’ Valletta 2018 li jġib anzjani u tfal flimkien, se jkun fiċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza Esplora bejn it-3 u s-6 ta’ Lulju 2018. Dan il-proġett ilu għaddej b’suċċess f’diversi lokalitajiet matul is-snin li għaddew.

Matul dawn l-erbat ijiem, se jinqraw stejjer b’mod kreattiv permezz tal-użu ta’ marjunetti u kreazzjonijiet artistiċi oħra magħmula mill-parteċipanti nfushom. Tfal ta’ bejn it-tmienja u t-tnax-il sena u anzjani li għandhom aktar minn sittin sena huma mistiedna biex isiru artisti filwaqt li jieħdu sehem f’numru ta’ logħob divertenti, drama u stejjer, bil-għan li jitnaqqas id-distakk bejn iż-żewġ ġenerazzjonijiet f’atmosfera ta’ kreattività u divertiment għal kulħadd.

Jekk int (jew xi ħadd li taf) għandek bejn tmienja u tnax-il sena jew aktar minn sittin sena ibgħat email lil [email protected] jew ċempel fuq 23602300 biex tipparteċipa. Id-dħul huwa b’xejn u trasport b’xejn se jkun ipprovdut lill-parteċipanti (suġġett għad-disponibbiltà).

Din l-edizzjoni speċjali ta’ Darba Waħda f’kollaborazzjoni ma’ Esplora se ssir fiċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza Esplora, f’Bighi, il-Kalkara, mit-Tlieta 3 ta’ Lulju sal-Ġimgħa 6 ta’ Lulju bejn id-9am u s-1pm.

Darba Waħda hu proġett interġenerazzjonali għat-tfal u l-anzjani bil-għan li jgħaqqad il-ġid tal-informazzjoni u l-esperjenza tal-anzjani u s-sempliċità u l-kreattività tat-tfal.

Il-proġett jagħti  l-opportunità kemm lill-anzjani kif ukoll lit-tfal sabiex jiltaqgħu u jingħaqdu permezz tal-istejjer u r-rakkuntar tagħhom fuq diversi pjattaformi kreattivi li jinkludu drama, logħob, arti u krafts. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet, iż-żewġ ġenerazzjonijiet għandhom l-opportunità li joħolqu, jirrelataw, jiskambjaw u jitgħallmu billi jaqsmu stejjer u esperjenzi waqt li jieħdu gost flimkien.

Darba Waħda qed jiġi organizzat mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bl-appoġġ ta’ Esplora u ta’ numru ta’ kunsilli lokali parteċipanti, u jifforma parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.

Għal aktar dettalji u biex iżżomm ruħek aġġornat segwi l-paġna ‘Darba Waħda’ fuq Facebook.