Il-konferenza tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Cities as Community Spaces, li tesplora l-qawwa tal-ispazji komunitarji fit-trasformazzjoni tal-bliet u tal-ħajja ta’ kuljum tar-residenti tagħhom, fetħet kmieni llum fil-King’s Own Band Club miċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Jason Micallef flimkien mal-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta Elena Grech.

Iċ-Ċermen tal-Valletta 2018 Jason Micallef fetaħ il-konferenza billi qal: “Il-binja ta’ bliet funzjonali, inklużivi u produttivi hija waħda mill-ikbar sfidi li l-bniedem qiegħed jiffaċċja fi żmienna. L-ispazji flessibli huma ingredjent vitali biex il-bliet jirnexxu. Dawn jibnu sens ta’ komunità, ta’ identità ċivika u ta’ kultura.”

Micallef żied jgħid li “huwa importantissimu li nibdew inqisu bis-serjetà liem arkitettura taqdi l-aħjar il-ħtiġijiet tal-komunità. Il-bliet f’saħħithom jeħtieġu lin-nies.”

Diparti tagħha s-Sinjura Elena Grech.qalet li “fl-aħħar sena qabel il-Belt Valletta ssir Kapitali Ewropea tal-Kultura, kemm l-Ewropa u kemm ir-reġjuni lil hinn minnha ser iżommu għajnejhom fuq Malta li ser tkun qiegħda tospita l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.”

Dan huwa żmien eċitanti ħafna għax il-programm tal-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħed jiġi kkonsolidat filwaqt li jistieden lil kulħadd biex jipparteċipa.

Il-konferenza tlaqqa’ flimkien esperti minn diversi oqsma bħall-urbaniżmu, l-arti, il-midja diġitali, il-ħidma komunitarja u t-teorija kritika sabiex jiddiskutu r-rwol dejjem jevolvi tal-ispazju pubbliku u l-modi kif gruppi komunitarji differenti jużaw l-ambjent urban tagħhom fl-espressjoni kreattiva, politika u komunali tagħhom.

Il-konferenza għandha diversi sessjonijiet paralleli li jiffokaw fuq firxa ta’ suġġetti, fosthom ir-riġenerazzjoni komunitarja, l-interazzjoni bejn l-ispazji fiżiċi u virtwali, l-użu tal-ispazju pubbliku għall-protesti u għall-kontestazzjonijiet, u l-użu tal-ispazju għall-espressjoni kreattiva. Is-sessjonijiet ser isiru f’bosta spazji komunitarji fil-Belt Valletta, fosthom fil-King’s Own Band Club, Splendid fi Strada Stretta, l-Iskola Primarja tal-Belt (Kulleġġ San Ġorġ Preca), Spazju Kreattiv fil-Kavallier San Ġakbu u l-Kripta tal-Knisja ta’ Santu Wistin.

Il-kelliem ewlenin tal-konferenza jinkludu lill-awtur, editur u flâneur urban Shawn Micallef, l-urbanist u ko-fundatur tal-Urban Institute (Riga) Jonas Būchel, l-artista Tania El Khoury, il-ko-fundaturi tal-Open Works Lab Giuliana Fenech u Renzo Spiteri, il-ko-fundatur ta’ Yes We Camp Nicolas Détrie, l-urbanist Christian Dimmer u s-soċjologu politiku u kulturali Paolo Gerbaudo.

Il-konferenza ser tiġi fi tmiemha fil-25 ta’ Novembru 2016.