Il-‘Gozo Weekend’ ta’ Valletta 2018 se jibda nhar is-Sibt li ġej u se jikkonsisti fi tlett attivitajiet divertenti għall-familja kollha f’Għawdex bejn is-Sibt u l-Ħadd 15 u 16 ta’ Settembru.

Dawn jinkludu rappreżentazzjoni minn Magna Żmien, installazzjoni awdjoviżiva gewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u wiri ta’ films fir-Rabat (Għawdex).

Dan l-avveniment qed isir bħala parti mill Programm Kulturali tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dħul għal kull attività huwa bla ħlas.

Nhar is-Sibt 15 ta’ Settembru fit-8pm, il-Magna tal-Memorji Meraviljużi ta’ Valletta 2018, Magna Żmien, se tkun fi Pjazza Katidral ġewwa ċ-Ċittadella f’Għawdex. Il-lejl se jkun iddedikat għall-ġbir ta’ memorji lokali minn Għawdex, bi programm li jinkludi rappreżentazzjoni tal-magna taż-żmien minn Wistin, Armchair Voyager nru. 35, u l-Banda tal-Memorji Meraviljużi. L-udjenza hija mistiedna tipparteċipa u tiskopri l-maġija tal-Magna matul din ir-rappreżentazzjoni, u se jkollha ċ-ċans tgawdi wkoll minn installazzjoni akustika ta’ Timothy Garrett u viżwali ta’ Andrej Vujicic.

Magna Żmien huwa moviment biex jiġbor, jikkonverti u jagħmel disponibbli memorji antiki li jinsabu f’periklu li jintilfu permezz tad-diġitizzazzjoni ta’ kollezzjonijiet awdjoviżivi li jinsabu fid-djar tan-nies. Mill-bidu tal-proġett s’issa ġew diġitizzati 54 kasett ta’ tejp, 31 rukkell tal-awdjo, 64 film ‘Normal 8’, 24 film ‘Super 8’, 422 ritratt u 294 negattiv. Dawn il-memorji salvati se jipprovdu kuntest kollettiv fertili għar-riċerkaturi u għal dawk li jirrakkuntaw l-istejjer, kemm fil-preżent kif ukoll fil-futur. Kopji tal-materjal iġġenerat se jingħataw lill-Arkivji Nazzjonali fi tmiem il-proġett.

1001 Dreams se titnieda nhar is-Sibt 15 ta’ Settembru, ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. 1001 Dreams hija installazzjoni li tikkonsisti f’collage magħmul minn folji tal-films u reġistrazzjonijiet tal-awdjo li jingħaqdu flimkien biex jgħidu storja dwar il-ħolm u l-memorji. Il-wirja se tibqa’ miftuħa fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sas-26 ta’ Settembru, u se tkun miftuħa kuljum bejn id-9am u s-7pm.

Waqt workshops li saru matul ix-xhur tas-sajf, grupp ta’ studenti tas-sekondarja Għawdxin u grupp ta’ anzjani minn irħula differenti f’Għawdex ħadmu flimkien biex jaqsmu l-istejjer, il-memorji u l-ħolm tagħhom. Dawn imbagħad ġew dokumentati fil-forma ta’ stejjer awdjoviżivi, billi ntużaw reġistraturi tal-vuċi biex inħolqu reġistrazzjonijiet akustiċi, u kamera tar-ritratti Polaroid biex ittieħdu r-ritratti. L-għan huwa li l-istorja Maltija tiġi dokumentata minn żewġ ġenerazzjonijiet differenti, biex din l-istess storja tħeġġeġ liż-żgħażagħ u l-anzjani jinteraġixxu flimkien kif ukoll mal-inħawi ta’ madwarhom, billi jużaw il-fotografija u l-istejjer viżivi biex jibnu u jtejbu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

5 films qosra, maħluqa minn grupp ta’ studenti tat-tieni sena tas-sekondarja għall-proġett ta’ Valletta 2018 Tafxnaf, se jintwerew nhar il-Ħadd 16 ta’ Settembru fis-Citadel Cinema fir-Rabat f’Għawdex, fis-2.30pm.

Dawn il-films intewerew għall-ewwel darba aktar kmieni din is-sena waqt il-Valletta Film Festival. Tafxnaf jagħti leħen lit-tfal permezz tal-istejjer u l-ħolqien tal-films, u jħeġġeġ liż-żgħażagħ jiżviluppaw sens ta’ appartenenza fuq proġetti kreattivi. Imwieled minn kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet f’Leeuwarden-Friesland 2018 u Aarhus 2017, dan il-proġett stieden lill-istudenti kollha fil-Form 2 jew l-ekwivalenti tagħha biex jissottomettu l-istejjer tagħhom għall-pubblikazzjoni u biex jiffilmjaw u jipproduċu dawn l-istejjer, biex joħolqu il-films qosra u oriġinali tagħhom.

Għal aktar informazzjoni dwar kull wieħed minn dawn il-proġetti ta’ Valletta 2018 żur valletta2018.org, u segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook biex tibqa’aġġornat dwar l-avvenimenti li ġejjin.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta