L-istaġun tal-opra ta’ Valletta 2018 ikompli, din id-darba bi produzzjoni tal- opra kontemporanja Corto Maltese: The Ballad of the Salty Sea. Żewġ rappreżentazzjonijiet se jittellgħu fit-Teatru Manoel fl-20 u fit-22 ta’ Settembru.

Il-produzzjoni, li hija kkummissjonata u ko-prodotta mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u Teatru Manoel, hija adattament tar-rumanz grafiku popolari ta’ Hugo Pratt, Corto Maltese: Una Ballata del Mare Salato, ippubblikat fl-1967. L-opra għandha kompożizzjoni ta’ Monique Krüs u librett ta’ Corina Van Eijk, ibbażat fuq kitba oriġinali ta’ Tama Matheson.

In-narrattiva tirrakkonta waħda mill-avventuri ta’ Corto Maltese. Hekk kif id-dinja qed toqrob lejn il-gwerra, il-pirata Rasputin ikun qed jaħdem fl-Oċean Paċifiku, meta jiltaqa’ ma’ raġel jitkaxkar mal-kurrent fil-baħar. Idu u riġlejh huma marbuta ma’ ċattra. Ismu se jsir leġġendarju. Dan ir-raġel huwa Corto Maltese. X’għamel biex jistħoqqlu kastig krudili bħal dan? X’hemm moħbi wara l-ħarsa enigmatika tiegħu? Anke Pandora u Cain – żewġ adoloxxenti minn familja sinjura li nqabdu minn Rasputin – jiddubitaw il-preżenza tiegħu. Ftit jafu li din il-laqgħa għall-għarrieda se tbiddlilhom ħajjithom għal dejjem, flimkien ma’ dawk ta’ miljuni ta’ qarrejja.

Corto twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Lulju 1887, iben baħri Brittaniku u żingara Andalusjana. Bħala tifel li trabba fil-parti Lhudija ta’ Córdoba, Corto Maltese jiskopri li ma għandux linja tad-destin fuq il-pala ta’ idu u għalhekk malajr inaqqax linja bix-xafra tal-leħja ta’ missieru. Dan ifisser li issa d-destin tiegħu jinsab f’idejh. Corto jqatta’ ħajtu jivvjaġġa d-dinja waqt li jfittex l-avventura, kmandat minn xejn ħlief mil-libertà tiegħu stess. Huwa baħri, imma fuq kollox, vjaġġatur bla mistrieħ u maħbub tal-avventura, li spiss jinstab jgħin lil min hu żvantaġġat. Hekk kif ibaħħar għall-ewwel darba, qatt ma jħares lura, u jivvjaġġa madwar il-kontinenti lejn l-Eġittu, Singapor, Buenos Aires, il-Brażil, iċ-Ċilì, l-Arġentina, iċ-Ċina, il-Gżejjer tal-Karibew, il-Gżejjer tal-Paċifiku, il-Mongolja u l-Italja, fost ħafna oħrajn.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Catherine Tabone, qalet li “wara s-suċċess tal-opra Aħna Refuġjati, Corto Maltese hija l-produzzjoni li jmiss fl-istaġun tal-opra ta’ Valletta 2018”.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Dr Deo Debattista qal li bħal Corto, qed nibnu d-destin tagħna, sabiex Valletta 2018 tibqa’ mfakkra u ma tiġix ikkunsidrata bħala avveniment ta’ darba. Huwa awgura lill-organizzaturi tal-avveniment u lill-artisti kollha kull suċċess.

Id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Manoel Kenneth Zammit Tabona qal li “peress li l-karattru popolari ta’ Corto Maltese huwa marbut ma’ Malta, imwieled fil-Belt Valletta fl-1887, din il-produzzjoni li se tittella’ fit-Teatru Manoel hija opportunità tajba biex nippromwovu t-teatru Malti madwar l-Ewropa”.

Corto Maltese: The Ballad of the Salty Sea se titwettaq mit-Teatru Manoel Youth Opera fit-Teatru Manoel nhar il-Ħamis 20 ta’ Settembru u s-Sibt 22 ta’ Settembru, 20:30. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn booking.teatrumanoel.com.mt.

Għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org u segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.

Din hija r-raba’ opra tat-Teatru Manoel Youth Opera, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 bħala parti mill-Programm Kulturali għall-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

 

Hugo Pratt’s Corto Maltese® 1987 Cong SA, Switzerland. All rights reserved.
Music published by ©Deuss Music, The Hague, The Netherlands.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta