L-edizzjoni ta’ din is-sena taċ-Cerealia Festival f’Ruma, li huwa estiż għall-pajjiżi kollha tal-Mediterran u li din is-sena kien iddedikat lil Malta hekk kif qed tiċċelebra s-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, inkludiet proġetti ta’ Valletta 2018.

Il-proġetti li ġew imsemmija fil-festiva kienu Poetry in Potato Bags, fejn inqraw poeżiji bil-Malti tradotti fit-Taljan, kif ukoll wirjiet tal-films tal-poeżija minn Poetry on Film u films qosra mis-serje Tafal ta’ Valletta 2018. Dan kollu fisser tisħiħ ulterjuri tad-dimensjoni internazzjonali tal-Programm Kulturali kif ukoll it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni transkulturali ma’ pajjiżi oħra.

Il-festival, li jikkoinċidi mas-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali, ittella’ f’Ruma bejn il-Ħamis 7 sal-Ħadd 10 ta’ Ġunju.

Minbarra s-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura ta’ Malta u s-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali, l-edizzjoni tal-2018 tikkoinċidi wkoll mas-Sena Internazzjonali tal-Ikel Taljan. L-attività għandha espożizzjoni internazzjonali, hekk kif tgħaqqad il-Mediterran billi tiċċelebra pajjiż differenti kull sena. Fost il-pajjiżi li kienu parti minn dawn il-festival insibu l-Eġittu (2011), it-Turkija (2012), il-Greċja (2013), Ċipru (2014), il-Kroazja (2015) u l-Marokk (2016).

L-għan ta’ Cerealia huwa li jifrex tagħrif u għarfien tal-valur tal-art u tal-kulturi indiġeni, u li jistabbilixxi mill-ġdid ir-rabtiet bejn iż-żona tal-produzzjoni u l-mejda tal-konsumatur, filwaqt li jqajjem mill-ġdid użanzi u tradizzjonijiet antiki, ibbażati fuq ir-rispett lejn id-dinja u l-frott tagħha.

Il-pluraliżmu kulturali kien, sa minn żminijiet antiki, karatteristika permanenti tal-Mediterran. Iċ-Cerealia Festival huwa mument ta’ skambju kulturali li jittratta kwistjonijiet bħan-nutrizzjoni, l-ambjent, l-ekonomija, it-territorju u d-dimensjoni soċjali; kwistjonijiet ippreżentati fil-kuntest attwali, li jikkaratterizzaw id-dinja varjata taż-żrieragħ, hekk kif il-valur soċjali u ekonomiku taż-żrieragħ huwa enormi.

Iċ-Cerealia Festival huwa appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018. Għal aktar informazzjoni u għal programm sħiħ, żur www.cerealialudi.org.