Il-pubbliku se jkun jista’ jibbenefika minn offerti speċjali u servizz tat-trasport estiż waqt l-Aħħar Festa: L-Għeluq Uffiċjali ta’ Valletta 2018 li se jsir nhar is-Sibt 15 ta’ Diċembru.

Dawn l-inizjattivi jinkoraġġixxu lil dawk li se jattendu biex jagħmlu użu mit-trasport pubbliku u mezzi oħra ta’ trasport sostenibbli.

Is-servizz tal-karozzi tal-linja se jiżdied b’50% mill-4PM sa nofsillejl, inkluż karozzi tal-linja li joperaw matul il-lejl mill-Belt Valletta lejn diversi postijiet f’Malta wara nofsillejl.

Is-servizzi tal-Lift tal-Barrakka ta’ Fuq u l-Valletta Ferry Services (Tas-Sliema u t-Tlitt Ibliet) se jiġu estiżi wkoll sas-1AM.

Dawk li jattendu għall-Aħħar Festa jistgħu jibbenefikaw minn rati speċjali meta jużaw il-mezzi ta’ trasport sostenibbli pprovduti minn Nextbike u Tallinja Bikes. Uża l-kodiċi 863386 meta tikri Nextbike, għal vjaġġ ta’ 60 minuta lejn jew lil hinn mill-Belt bla ħlas. Il-kodiċi tista’ tintuża darbtejn, għal żewġ vjaġġi separati. Is-servizz ta’ Tallinja Bikes se jkun disponibbli wkoll għall-ivvjaġġar ġewwa l-Belt, bi skont ta 50% waqt L-Aħħar Festa. Termini u kundizzjonijiet japplikaw.

Dawk li jżuru l-Belt Valletta fil-15 ta’ Diċembru żgur li se jkollhom ħafna x’jagħmlu u x’jaraw, hekk kif dan il-jum huwa magħruf sew għax-xiri tal-Milied ġewwa l-Belt. Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti l-ġdid MUŻA u l-bini tal-Valletta Design Cluster se jkunu miftuħin għall-pubbliku bla ħlas mill-10AM u l-11AM rispettivament, u se jkun hemm ukoll programm ta’ attivitajiet mifrux madwar il-Belt Valletta mill-4PM ’il quddiem. Għaldaqstant, il-pubbliku hu mħeġġeġ jaħseb kmieni sabiex igawdi l-ġurnata u jiskarta t-traffiku!

Iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-Għeluq Uffiċjali ta’ Valletta 2018 se jilħqu l-qofol tagħhom mis-6.30pm ’il quddiem ġewwa Pjazza San Ġorġ, fejn se jittellgħu diversi rappreżentazzjonijiet mużikali live fuq il-palk prinċipali. Fost l-artisti nsibu lil Tribali, Ozzy Lino, Brass House Unit, DJ NeoX, Moveo Dance Company u l-Kor ta’ Valletta 2018. Il-personalitajiet magħrufa Mireille Bonello u Svetlana Muscat se jkunu l-preżentaturi matul is-serata.

Filwaqt li r-rappreżentazzjonijiet ta’ żfin u mużika jibdew fis-6.30pm, l-avveniment uffiċjali tal-għeluq jibda fl-4pm b’diversi installazjonijiet u rappreżentazzjonijiet madwar il-Belt. L-attivitajiet fil-programm tal-għeluq huma tifkira ta’ wħud mill-proġetti fil-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018. Dawn jinkludu installazzjoni minn Magna Żmien, żifna interattiva minn ŻfinMalta fis-Suq tal-Belt bl-isem ta’ Ballroom, rappreżentazzjoni mill-orkestra komunitarja Mewġa Mużika, installazzjoni ispirata mill-proġett Latitude 36, organizzata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ bl-isem ta’ Sempre Viva, retrospettiva tal-programm AiR bil-kollaborazzjoni ta’ Spazju Kreattiv, u installazjoni interattiva mifruxa madwar il-Belt Valletta bl-isem ta’ Memory Wall.

Għal aktar informazzjoni u biex tara l-programm sħiħ ta’ attivitajiet żur valletta2018.org u segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook biex iżżomm ruħek aġġornat.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria u Bank of Valletta