Valletta 2018 qed torganizza s-serje ta’ workshopsPerformative Machines’ bejn it-18 u l-21 ta’ Settembru, li matulhom il-parteċipanti se jiddisinjaw mudell li se jintuża bħala parti mill-proġett ta’ prestazzjoni li ġej, Każin Barokk, is-sena d-dieħla.

Edukaturi, studenti, alumni u kull min hu involut fl-oqsma tal-arti u d-disinn, l-iżvilupp tas-softwer, l-inġinerija mekkanika u oqsma oħrajn simili/relatati kollha, huma mistednin li jattendu. Il-workshops se jiġu mmexxija mill-perit William Bondin, fiċ-Ċentru tal-Innovazzjoni tal-Microsoft fi SkyParks, Ħal Luqa.

Il-proġett ta’ Valletta 2018, Każin Barokk, huwa prestazzjoni ibrida fejn il-viżwali u l-mużika jingħaqdu flimkien bl-użu ta’ biċċiet mix-xogħol “Le Jouer” ta’ Francois Renard. Huwa dirett minn Elli Papakostantinou, id-direttur artistiku tal-ODC Ensemble fil-Greċja.

L-isem li ngħata lil din il-prestazzjoni huwa logħba bil-kliem gustuża. Każin tista’ tfisser bar lokali, iżda twassal ukoll għall-kelma casino. Barokk tirreferi għall-perjodu Barokk fl-arti u fil-mużika, mill-1600 sa madwar l-1750, ikkaratterizzat b’ornamentazzjoni elaborata u sforzi biex jinħolqu effetti drammatiċi, iżda wkoll bit-taħlita ta’ kulturi u identitajiet. Din tal-aħħar hija tipikament dak li jiddefinixxi l-kultura Maltija permezz tal-post, l-istorja u l-globalizzazzjoni tagħha. Il-prestazzjoni tesplora jekk u kif il-kultura Maltija hix qed tintlagħab u eventwalment tintilef.

Din il-prestazzjoni twiegħed li tkun vjaġġ ta’ tiftix ir-ruħ fejn l-arti, in-nies, ir-robotika, il-passat, il-preżent u l-futur jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw taħlita Barokka bbażata fuq identitajiet lokali u kontemporanji. L-udjenza se jkollha esperjenza viżwali fejn tista’ tikkontrolla l-funzjoni u tapprezza d-dettalji tal-mekkaniżmi tas-sett.

Għal aktar informazzjoni dwar il-workshops, jekk jogħġbok żur https://valletta2018.org/events/kazin-barokk-performative-machines-call-for-participation/.

Id-data ta’ skadenza għar-reġistrazzjoni hija l-Ħamis 14 ta’ Settembru.