Il-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien ma’ 100 Women in Finance organizzaw ikla ta’ wara nofsinhar taħt il-Patroċinju tal-E.T. il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, fil-Palazz tal-Granmastru.  Il-mistiedna tal-unur kienet HRH il-Kontessa ta’ Wessex GCVO. Din saret fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, fit-8 ta’ Marzu. Aktar minn 150 persuna attendew fosthom nisa fin-negozju u l-finanzi, awtoritajiet governattivi, ħaddiema taċ-ċivil u politiċi nisa miż-żewġ naħat tal-kamra.

L-E.T. Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Kap Eżekuttiv ta’ 100 Women in Finance Amanda Pullinger, il-Ministru tal-Finanzi il-Prof. Edward Scicluna u ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef indirizzaw lil dawk preżenti. Is-Sur Micallef tenna l-impenn tal-Fondazzjoni li toħloq esperjenzi ta’ tifsira għal kulħadd. Żied jgħid li l-ugwaljanza tas-sessi mhix biss kwistjoni tan-nisa imma ta’ kulħadd. Għaldaqstant huwa ħeġġeġ lin-nies biex jiefqu għall-preġudizzji, id-diskriminazzjoni, l-abbuż sesswali u kwalunkwe trattament ħażin tan-nisa. il-Kap Eżekuttiv ta’ 100 Women in Finance Amanda Pullinger faħħret lill-Fondazzjoni Valletta 2018 għal din l-inizzjativa.