Valletta 2018 Kapitali Ewropea tal-Kultura, qed tkun ta’ xprun għat-titjib fl-orgnizzazzjoni ta’ avvenimenti kulturali fil-Belt Valletta, l-iżvilupp tal-qafas urban, kif ukoll fit-turiżmu u fil-viżibilità globali tal-Belt.

Is-sejbiet, minn sensiela ta’ studji ta’ riċerka kwantitattiva u kwalitattiva li ġew imwettqa mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bħala parti mill-proċess kontinwu ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ, ġew ippreżentati llum waqt it-tieni seminar, Culture Matters, ġewwa l-Università ta’ Malta – il-Campus tal-Belt Valletta.

Dan il-proċess ta’ riċerka ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ jinvestiga l-impatti ta’ Valletta 2018 billi jiffoka fuq diversi fatturi fosthom il-parteċipazzjoni kulturali, it-turiżmu, il-ħajja soċjali u komunitarja u l-iżvilupp tal-industriji ekonomiċi u kreattivi.

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Valletta 2018, Dr Karsten Xuereb, ta bidu lis-seminar. Dr Xuereb tenna, “Valletta 2018 hija proċess bl-għan li tixpruna set ta’ azzjonijiet li jwasslu għall-bidla, li huma sostenibbli u li jistabbilixxu legat. Ir-riċerka turi li filwaqt li t-triq il-quddiem hija twila, ninsabu fit-triq it-tajba”.

Fl-indirizz tiegħu fil-ftuħ tas-seminar, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li mir-riżultati ta’ din ir-riċerka tara li x-xogħol li qed nagħmlu biex nippromwovu l-kultura u l-arti fost il-membri kollha tas-soċjetà u biex inqajmu kuxjenza dwar l-importanza tagħhom fil-livelli kollha, illum qiegħda tħalli l-frott.

“Il-Kultura m’għandhiex tkun ikkunsidrata bħala xi ħaġa iżolata imma pjuttost bħala settur li jingħaqad mal-pilastri fundamentali tas-soċjetà Maltija. Issibha fil-qalba tas-settur tan-negozju u twassal għal tkabbir u l-ħolqien ta’ mpjiegi, u wkoll hija parti ewlenija mil-lindustrija tat-turiżmu tagħna, wieħed mill-akbar setturi li fuqu tibbaza l-ekonomija tagħna,” qal il-Ministru.

Il-Ministru Bonnici kompla li għall-Gvern u dawk kollha involuti, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura mhuwiex biss titlu prestiġġjuż li ngħata lill-Belt kapitali tagħna, imma fuq kollox huwa proġett fit-tul li fl-aħħar snin wassal għal ħafna investimenti kapitali u għal tisħiħ tal-fervur artistiku f’pajjiżna kif ukoll għal kuxjenza dejjem akbar tal-kultura u l-istorja uniċi tagħna. Il-proġett Valletta 2018 għandu l-għan li jħalli wirt dejjiemi għall-benefiċċju tar-residenti kollha fil-Belt Valletta u lil hinn minnha fil-komunitajiet lokali tagħna u anke mal-artisti.

Ir-riċerka turi li 86% ta’ dawk li wieġbu l-Istħarriġ dwar il-Parteċipazzjoni fil-Belt Valletta jemmnu li l-Belt Valletta qiegħda tinbidel għall-aħjar u ħafna minnhom jaqblu li l-Belt Valletta hija tabilħaqq għanja ħafna f’dik li hi kultura.

Fir-rigward tat-turiżmu, 28% tat-turisti, 5% iktar mis-sena l-oħra, kienu diġà jafu b’Valletta 2018 qabel ma żaru lil Malta , filwaqt li 58% li għall-ewwel ma kinux jafu b’Valletta 2018, saru jafu dwarha waqt iż-żjara tagħhom. Kważi 90% tat-turisti aktarx Ii jirrakkomandaw il-Belt Valletta lill-ħbieb u lill-familja.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-ekonomija, il-Culture and Creative Industries (CCIs) kienu responsabbli għal 7% tal-Valur Gross Miżjud maħluq mill-ekonomija Maltija. Dan huwa ogħla mis-settur tal-kostruzzjoni u l-inġinerija ċivili (4%) u mis-settur tal-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (5%). Bejn l-2010 u l-2015, is-CCIs komplew jikbru b’rata medja ta’ 9% kull sena. Huma responsabbli għal 6% tal-impjiegi full-time u part-time li wasslu għall-ħolqien ta’ 2,800 impjieg ġdid bejn l-2010 u l-2015.

Il-Kumitat tat-Tmexxija tal-proċess ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ huwa magħmul minn għadd ta’ entitajiet pubbliċi inklużi l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Politika Ekonomika flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti u Jobsplus u flimkien ma’ għadd ta’ riċerkaturi u akkademiċi indipendenti. Kull wieħed minn dawn qed iwettaq ir-riċerka rispettiva skont l-għarfien espert li għandu f’dawn l-oqsma.