Bħala parti mit-tieni edizzjoni tal-Festival Internazzjonati tal-Arti Viżiva tal-Belt Valletta (VIVA), il-Fondazzjoni Valletta 2018 dalgħodu fetħet it-tieni edizzjoni tal-Iskola Kuratorjali tagħha, li se sseħħ sal-4 ta’ Settembru ġewwa l-Kampus tal-Università ta’ Malta fil-Belt Valletta.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal: “Il-programm intensiv ta’ ġimgħa tal-Iskola Kuratorjali qed jiżviluppa l-kuntest tal-arti viżiva billi jġib kelliema mistiedna internazzjonali ewlenin minn diversi istituzzjonijiet Ewropej fil-Belt Valletta. Huwa tabilħaqq pjaċir kbir li l-Iskola Kuratorjali u l-programm ta’ VIVA qed jiġbdu udjenza internazzjonali filwaqt li jipprovdu pjattaforma għall-artisti lokali biex jeżibixxu x-xogħol tagħhom”.

Id-Direttur Artistiku ta’ VIVA Raphael Vella żied jgħid: “L-iskola Kuratorjali qed iġġib kuraturi internazzjonali importanti ta’ arti kontemporanja fil-Belt Valletta biex jippreżentaw l-aktar proġetti riċenti u l-ideat tagħhom lill-udjenza lokali. Din is-sena, l-iskola kuratorjali hija aktar rikka peress li qed jittellgħu serje ta’ workshops li premezz tagħhom il-parteċipanti jistgħu jinteraġixxu mal-kuraturi mistiedna fi gruppi żgħar. Din hija opportunità unika għal kuraturi ġodda u artisti kontemporanji ibbażati f’Malta biex jiġu f’kuntatt dirett mat-teoriji u prattiċi riċenti ta’ arti kontemporanja”.

Bħala riżultat tal-ewwel edizzjoni Kuratorjali VIVA kien hemm għadd ta’ wirjiet u kollaborazzjonijiet bejn kuraturi emerġenti li żviluppaw, b’avvenimenti li seħħew f’Malta u barra. Din hija parti sinifikanti u importanti tal-legat li ser jibqa wara s-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018.

Il-programm ta’ ġimgħa ma’ kuraturi u akkademiċi internazzjonali huwa maħsub għall-prattikanti u l-istudenti li jiġu minn varjetà ta’ oqsma relatati inklużi l-kurazija, l-arti, l-edukazzjoni fl-arti u l-istorja tal-arti. Il-parteċipanti fil-kors se jkollhom programm ta’ lezzjonijiet, jattendu workshops fejn ikollhom esperjenza diretta u jkunu jistgħu wkoll jippreżentaw l-ideat kuratorjali tagħhom waqt seminars.

It-tema għall-programm ta’ din is-sena se tkun Curating: Communities and Contexts (Il-Kurazija: Komunitajiet u Kuntesti), u se tittratta r-relazzjoni bejn il-wirja, in-narrattiva u l-udjenza; l-arti kuntestwali; l-involviment tal-udjenzi; prattiki b’impenn soċjali fl-arti kontemporanja; l-arti fi spazji pubbliċi; il-globalizzazzjoni u l-qasam kuratorjali. Xi sessjonijiet se jippreżentaw wirjiet individwali mmexxija minn kelliema ewlenin u artisti internazzjonali li se jidħaddtu dwar il-prattika tagħhom.

Il-kuraturi ta’ din is-sena jinkludu lil Fulya Erdemci (kuratriċi tat-13-il Bijennali ġewwa Istanbul), Simon Sheikh (kuratur u professur tal-kurazija ġewwa Goldsmiths f’Londra), Mai Abu ElDahab (kuratur tal-Bijennali ġewwa Liverpool, 2014), Paul Ardenne (kritiku tal-arti u kuratur tal-Luxembourg Pavilion fil-Bijennali ta’ Venezja, 2015), Bassam el Baroni (kuratur tal-Bijennali EVA ġewwa Limerick fl-Irlanda, 2014) u Adam Budak (kuratur prinċipali tal-Gallerija Nazzjonali ta’ Praga). Kelliema oħrajn jinkludu lil Lennard Dost (kuratur freelance u kritiku tal-arti, direttur artistiku ta’ Nieuwe Vide), Mare van Koningsveld (kuratur freelance), Libia Castro u Olafur Olafsson (artisti), Ferhat Özgür (artist), Gail Feigenbaum (direttur assoċjat fl-Istitut għar-Riċerka ta’ Getty), Leo Delgaauw (studjuż), Zineb Sedira (artist kontemporanju) u lury Lech (direttur tal-MADATAC, Madrid).

Għal aktar informazzjoni dwar VIVA żur is-sit: www.viva.org.mt