Fl-ewwel ta’ Lulju The Rubberbodies Collective se jippreżentaw pinnur lill-komunità ta’ Tas-Sliema bħala parti mill-proġett  Il-Warda tar-Riħ (the Windrose Project) li huwa parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018.

Fil-bajja tal-Exiles fis-7.30pm, se tittella’ attività mhux tas-soltu fejn il-baħar li twassal għall-kxif tal-pinnur mis-Sindku ta’ Tas-Sliema, Anthony Chircop.

Se jiġi organizzat ukoll workshop dwar kif issir tajra tradizzjonali fejn il-parteċipanti jistgħu jaħdmu tajra tradizzjonali Maltija u jtajjruha. Nies li għandhom it-tajriet personali tagħhom huma mħeġġa jġibuhom magħhom sabiex jipparteċipaw f’din l-attività.

Il-pinnur ta’ Tas-Sliema huwa l-ewwel minn erba’ skulturi artistiċi pubbliċi li se jiġu installati f’Tas-Sliema, Marsaxlokk, l-Imġarr u l-Għarb.
Il-pinnur ta’ Tas-Sliema huwa mżejjen bil-kaħlija, ħuta dejjiema li tagħti l-wens u għandha l-fama ta’ qabda rikreazzjonali impenjattiva iżda gratifikanti u li minn dejjem affaxxinat lis-sajjieda. L-ispirazzjoni tad-disinn ġiet wara diskussjonijiet ma’ Leli Camilleri, il-President tal-Għaqda tas-Sajjieda Dilettanti u s-Sindku ta’ Tas-Sliema.

Ir-relazzjoni bejn Tas-Sliema u l-ambjent għebet kwazi għal kollox minħabba l-bini għoli li qed jittella’ u jdellel din il-belt kostali. Ġie magħżul dan il-post minħabba li din in-naħa partikulari tax-xatt tagħmel parti mill-pajżaġġ ‘naturali’ li tħalla lill-komunità. Ix-xatt, li huwa ċkejken ħdejn l-iżvilupp urban ta’ Tas-Sliema, huwa firxa wiesgħa ta’ blat abjad li jinfirex max-xatt u espost għall-irjieħ tal-Grigal.

Il-Proġett Il-Warda Tar-Riħ (The Windrose Project) qajjem tifkiriet mill-erba’ rkejjen tal-arċipelagu Malti. Wara sessjonijiet ta’ taħdit u disinn flimkien mal-komunitajiet lokali, l-artisti flimkien tar-RBC ippreżentaw is-sejbiet tagħhom taħt forma ta’ skultura. Ix-xogħlijiet jittrattaw ir-rabta antika Maltija mal-elelmenti u r-ritmi naturali.