Ġaladarba din ser tkun l-għaxar edizzjoni ta’ Għanafest, l-organizzaturi ser jiċċelebraw dan l-anniversarju kif jixraq. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun ftit differenti mill-edizzjonijiet ta’ qabel, u se tinkludi katina ta’ attivitajiet li se jsiru f’postijiet differenti, fil-qalba ta’ xi wħud mill-eqdem irħula ta’ Malta.

Il-festival jiftaħ fit-23 u l-24 ta’ Ġunju fiż-Żejtun, u jkompli fit-28 u fid-29 ta’ Ġunju fil-festa tal-Imnarja. Fis-serata tad-29, il-festival jasal fit-tmiem tiegħu b’attività f’Birżebbuġa.

L-għannejja lokali tagħna ser ikunu magħna matul il-festival u se jippreżentaw l-għamliet differenti kollha tal-kanzunetta folkloristika Maltija. Il-festival ser jinkludi wkoll prodotti lokali, suq tal-artiġanat u żona għat-tfal li żgur ilkoll ser joffru ħarġa speċjali għall-familja kollha.