Is-sitt kapitli tal-wirja Nisġa – Storja Kontemporanja huma mnebbħa minn dak li nsibu filktieb Malta: Six Modern Artists maħruġ fl-1991. Ħames mis-sitt artisti msemmija f’dan ilktieb twieldu l-Belt Valletta. Nisġa tinvolvi artisti Maltin li spiraw ruħhom minn dawn is-sitta imsemmija. Din l-esebizzjoni qed tittella’ fi Spazju Kreattiv ġewwa l-Belt, u b’hekk nistgħu naraw rabta bejn l-artisti u art tweldihom, speċifikament il-kapitali.

Harry Alden – ‘Upper Barakka Lift’; c. Denise Perini
Minkejja dan il-ktieb, l-istorja dettaljata tal-arti Moderna f’Malta għadha trid tinkiteb. Minħabba n-nuqqas ta’ għarfien komuni dwar din l-epoka tal-arti f’Malta, esebizzjoni bħal din, li tippreżentalna l-identità kumplessa tal-artist Malti, taf tħallilna x’nomogħdu. Iżda l-kapitli tal-wirja jippruvaw jissodisfaw din il-ħtieġa nazzjonali billi jippreżentaw il-passat u l-preżent, u aktar minn hekk iżewwġuhom. B’hekk il-kelma ‘nisġa’ hawnhekk tfisser narrativa, li qed tiġi mwassla permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet aritstiċi.

Frank Portelli – ‘La Vie’; c. Denise Perini
L-idea tan-narrattiva timmanifesta ruħha fl-istil tal-wirja hekk kif inħarsu lejn is-sitt kategoriji bħala djalogi. L-aspetti waħdiena (Pajsaġġ Kulturali, Intimità, It-Taqbida Spiritwali, Stqarrijiet Pubbliċi, Il-Vjaġġ, Materja) huma narrattiva fihom infushom, iżda huma wkoll f’djalogu ma’ xulxin. It-tlaqqigħ tal-kunċetti jirriżulta f’taħlita, li nistgħu nsejħulha nisġa. L-artist Gabriel Caruana juri dan sewwa fix-xogħol tiegħu “Mural”.

Esprit Barthet – ‘Rooftops’; c. Denise Perini
F’dan is-sens, il-kelma ‘nisġa’ tindikalna komunità ta’ artisti moderni u kontemporanji Maltin. Dan jissodisfa l-kunċett u l-għan taż-żwieġ tal-passat mal-preżent. L-aspett l-ieħor tal-kelma ‘nisġa’ jindikalna l-komunikazzjoni ta’ messaġġ (narrativ) b’mod kollettiv li qed iwettqu l-artisti permezz ta’ din il-wirja.

c. Denise Perini
Mis-sitt kaptili, dak li laqatni l-aktar kien Il-Vjaġġ, spjegat bħala “vjaġġ lejn l-eternità li spiss l-artist jaċċetta b’uġigħ bħal dak tal-omm meta twelled. Il-mewt u t-tluq inebbħu u jġorru wkoll tifsira personali. Il-mistoqsija tibqa’ waħda: Jien min jien?”. Niftakru hawnhekk li t-tweġiba għad-domanda ‘Jien min jien?’ tmur lil hinn minn aspetti bħalma huma n-nazzjonalità, ir-relazzjonijiet, jew l-istat soċjali. L-artist jagħraf li dan il-vjaġġ huwa wieħed etern, għaliex id-dinja tista’ toffrilna biss tweġibiet restritti.
Din il-wirja hija mtella’ fi Spazju Kreattiv sal-4 ta’ Novembru.