Antoine Cassar jikteb dwar il-proġett ta’ ‘Poetry in Potato Bags’ u ż-żjara ta’ żewġ awturi Friżjani f’pajjiżna fl-aħħar ġimgħa ta’ Jannar. Kliem ta’ Antoine Cassar…
Patata, stoffa ħelwa, lewża tal-ħamrija… Hekk kiteb il-poeta Ċilen Pablo Neruda, f’waħda minn żewġ poeżiji ddedikati lill-patata fil-ġabra Odi elementali. X’aktarx li l-qarrejja tal-letteratura jkunu iktar imdorrijin jixorbu l-metafori dwar il-ħobż, l-għeneb u l-wardet ix-xemx, iżda mhix stramberija din li l-poeżija tiċċelebra s-sura, il-lewn, it-togħma ta’ frotta umli tal-art, mudlama, imħarbta iżda mdawla, bħalma hija l-patata. Tant hu hekk li hemm poeżija ta’ Seamus Heaney, While All the Others Were Away at Mass, dwar imħabba siekta bejn tnejn min-nies qegħdin iqaxxru l-patata, li fis-sena 2013 ġiet ivvutata l-isbaħ poeżija Irlandiża tal-aħħar mitt sena mit-telespettaturi tal-istazzjon RTÉ.
Il-ħlewwa tal-patata Maltija magħrufa lil hinn minn xtutna. Anzi, biex inkunu aktar preċiżi, il-patata Maltija u Olandiża, jew aħjar, Maltija u Friżjana. Il-ħamrija Maltija u n-nebbieta tal-patata tal-Friżja (reġjun fin-naħa ta’ fuq tal-Olanda, b’lingwa għaliha, belt kapitali Leeuwarden) ilhom jagħlfu ‘l xulxin minn nofs is-seklu 19. Minn kull ‘mamma’ Friżjana li tasal Malta għall-ħabta t’Ottubru, jikbru bejn 8 u 12-il patata fl-għelieqi tal-Qrendi, Ħaż-Żabbar u rħula oħra. Għalkemm il-patata hija omnipreżenti fil-kċina Maltija, fil-bidu tar-rebbiegħa, il-parti l-kbira mill-patata maħsuda tinbagħat ‘lura’ lejn l-Olanda, fejn kienet u għadha ferm apprezzata għall-istoffa ħelwa tagħha.
Sentejn ilu, l-organizzatriċi kulturali u bidwija Froukje de Jong ġitilha idea mill-oħla: li dan l-iskambju agrikolu bejn il-Friżja u Malta jiġi ċċelebrat permezz ta’ djalogu bejn il-poeti kontemporanji taż-żewġ artijiet u ilsna, u b’attivitajiet ma’ tfal tal-iskola primarja fiż-żewġ pajjiżi. Bi sħab mal-fondazzjonijiet tal-bliet kapitali tal-kultura Leeuwarden u Valletta 2018, Froukje ħolqot il-proġett Potatoes Go Wild, imniżzel fil-programm kulturali ta’ Valletta 2018 bħala Poetry in Potato Bags. B’hekk żewġ ilsna li kienu jdoqqu u jieklu l-istess patata, saru jirreċtaw ukoll il-poeżiji ta’ xulxin imnebbħa mill-ħlewwa tal-patata.
Bi stedina mill-Ambaxxata Olandiża f’Malta, it-tielet sena tal-proġett f’Malta bdiet bi żjara minn żewġ awturi Friżjani – il-kittieba u editriċi Janneke Spoelstra, u l-poeta u mużiċist Hein Jaap Hilarides. Fl-aħħar ġimgħa ta’ Jannar, dawn iż-żewġ awturi ltaqgħu mat-tfal tal-iskola San Benedittu tal-Qrendi, flimkien mal-awturi Maltin Rita Saliba u Adrian Grima. L-istudenti tal-Year 6 qabblu l-kliem marbut mal-patata bil-Malti u bil-Friżjan. Intant, it-tfal tal-Year 5 inqasmu fi tliet gruppi u ħadmu fuq kitba kollaborattiva dwar xi tfisser għalihom il-patata. Iż-żjara fl-iskola ntemmet b’performance ta’ dawn il-poeżiji mill-istess kittieba żgħażagħ, akkumpanjati minn Hein Jaap Hilarides fuq il-keyboard.
Klikkja fuq ir-ritratti biex tarhom f’aktar dettall
Potatoes, potatoes, what a delight to eat.
I like to eat potatoes with meat.
(Mill-poeżija miktuba minn Miles, Aidan, Kieren u Owen
Wara ż-żjara fl-iskola, id-delegazzjoni minn Leeuwarden skoprew il-Ġnien tal-Kmand, fil-qalba tal-Qrendi, fejn skont il-kotba tal-istorja nżergħet il-patata f’Malta għall-ewwel darba, lura lejn l-1820. Imbagħad il-poeti qattgħu siegħa fl-għelieqi tal-bidwi Michael Caruana, esportatur ewlieni tal-patata fl-Olanda u l-Ġermanja, li spjegalhom il-proċess tat-tkabbir tal-patata, l-ispeċijiet differenti li jinżergħu, u fuq kollox id-diffikultajiet marbutin man-nixfa li għaddejna minnha din ix-xitwa, li timplika ħafna spejjeż għat-tisqija. Itolbu għax-xita! Saflaħħar, jidher li t-talb mitlub qed jintwieġeb.
L-iskambju bejn il-poeti Friżjani u Maltin kompla f’serata ta’ qari u mużika fir-residenza tal-Ambaxxatur Olandiż f’Tax-Xbiex, u serata oħra għand is-Soċjetà Maltija tal-Arti. In-nostalġija tax-xogħol fl-għelieqi u l-kuntatt max-xtieli, bħal f’poeżija ta’ Janneke Spoelstra fejn tixtieq li għad għandha 11-il sena, iżda mhux biss: ir-relazzjoni mal-patata u kulma jmur magħha tibqa’ kontemporanja. Kif jgħid Adrian Grima fil-poeżija Roazemarynblêd, “Patata mingħajr klin / qisha ħin mingħajr bnedmin”.
F’kull sena tal-proġett Poetry in Potato Bags, jintbagħtu għaxar poeżiji Friżjani mal-ixkejjer tan-nebbieta li jsalpaw lejn Malta, u għaxar poeżiji Maltin mal-ixkejjer tal-patata lesta għax-xiri fis-supermarkets Olandiżi. Lejn tmiem Marzu, mal-madwar 10,000 xkora tal-patata li se jintbagħtu Leeuwarden mill-esportaturi Abdilla mill-pitkali ta’ Ta’ Qali, se jivvjaġġjaw poeżiji friski ta’ Manwel Cassar (li jgħix l-Awstralja), Joe P. Galea, Achille Mizzi, Omar Seguna, u Jesmond Sharples, fost l-oħrajn. B’hekk, mal-ħlewwa tal-patata Maltija u Friżjana, se tingħaqad it-togħma tal-kelma, tal-metafora li tiċċelebra din l-istoffa ħelwa b’għeruq li jikbru fil-ħamrija ta’ żewġ artijiet ħbieb.
———————————————————————————————————————
Potato, sweet matter, almond of the earth… So wrote Pablo Neruda in one of his two Elemental Odes dedicated to the potato. The sweetness of the Maltese potato, or to be more precise the Dutch-Maltese or Frisian-Maltese potato, is well known in northern Europe. The ‘Low Countries’ and Malta have been exchanging sacks of potato seedlings and fully-grown potatoes since the 1850s. A few years ago, Froukje de Jong, a farmer and cultural organiser from Leeuwarden, had a novel idea: to include Frisian and Maltese poems about potatoes in the potato sacks.
The third year of the Poetry in Potato Bags collaboration between Leeuwarden and Valletta began with the visit of two Frisian poets – Janneke Spoelstra and Hein Jaap Hilarides – to the Qrendi primary school for workshops with Year 5 and Year 6 students, and to the Ħal Lew potato fields to meet farmer and exporter Michael Caruana. The pair also recited their poems at the Dutch Embassy in Ta’ Xbiex and the Malta Society of Arts during two well-attended readings, accompanied by Maltese poets Rita Saliba and Adrian Grima.
At the end of March, around 10,000 sacks of potatoes will be sent from Ta’ Qali to Friesland, together with a fresh batch of Maltese poems about the potato. The ‘sweet matter’ of the Dutch-Maltese potato will thus be joined by the taste of word and metaphor, celebrating this earthy yet radiant crop with roots in the soil of these two lands.
———————————————————————————————————————
L-istudenti tal-Year 5 li kitbu l-poeżiji huma:
Aidan Magro, Tatiana Tanti, Kieran Magri, Kieren Polidano, Owen Fenech, Jake Farrugia, Yelena Maxine Marie Psaila, Sandra Aliwi, Kyle Casha, Callum Norbury u Miles Spooner.