Il-Fondazzjoni Valletta 2018 se tkun preżenti waqt is-seba’ edizzjoni tas-Samit Dinji dwar l-Arti u l-Kultura ser issir fil-Belt Valletta bejn it-Tlieta 18 ta’ Ottubru 2016 u l-Ġimgħa 21 ta’ Ottubru 2016, organizzata mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kunsilli tal-Arti u tal-Aġenziji Kulturali (IFACCA) u l-Kunsill Malti tal-Arti.

Din is-sena s-Samit Dinji dwar l-Arti u l-Kultura ser jiffoka fuq it-tema It-Tmexxija Kulturali fis-Seklu 21. Fil-mument l-arti u l-kultura qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ għadd ta’ sfidi u opportunitajiet kaġun tat-teknoloġiji l-ġodda li kull ma jmur qegħdin jaffettwaw il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi. Intant qegħdin joħorġu fid-dieher xejriet ġodda ta’ migrazzjoni u l-kuntesti nazzjonali qegħdin jinbidlu l-ħin kollu b’miżuri ta’ awsterità u talbiet għar-riforma. Fil-frattemp l-artisti u l-operaturi kulturali xorta jibqgħu jaspiraw li jwessgħu l-impatt tagħha sa setturi terzi mentri jagħmlu mezz li jiżguraw il-libertà tal-espressjoni u d-diversità kulturali.

Għaldaqstant is-sejbien ta’ mudelli ġodda ta’ tmexxija sar iżjed importanti minn qatt qabel kemm-il darba rridu nibqgħu naffermaw l-arti u l-kultura bħala pilastri fl-iżvilupp soċjali. Fi żmien meta n-nozzjoni tal-governanza parteċipatorja saret prevalenti, ma tista’ tittieħed l-ebda deċiżjoni mingħajr l-involviment ta’ diversi partijiet interessati – it-tradizzjoni tal-ġestjoni minn fuq għal isfel illum m’għadhiex l-uniku mudell. L-artisti, in-netwerks, il-gruppi tal-avukatura u l-organizzazzjonijiet professjonali qegħdin jilgħabu parti dejjem iktar importanti fl-involviment tan-nies, fid-dibattittu tal-kwistjonijiet u fil-proposti ta’ soluzzjonijiet għall-isfidi ta’ żmienna.

Din is-sena s-Samit ser jesplora l-bidliet fil-perċezzjonijiet tat-tmexxija u jittratta għadd ta’ mistoqsijiet: min huma l-parteċipanti ewlenin? Kif qegħdin jittieħdu d-deċiżjonijiet? Min qiegħed imexxi fl-opportunitajiet ta’ żvilupp? X’jirrappreżenta l-kunċett tat-tmexxija għall-kulturi differenti u kif ser nittrattaw il-ħtiġijiet u l-aspettativi tal-ġenerazzjonijiet ġejjiena? Kif il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili jaqsmu r-responsabbiltajiet u jikkolaboraw?

Dawk interessati li jieħdu sehem jistgħu jinkitbu fuq il-paġna uffiċjali tar-reġistrazzjoni tas-Samit.