Il-Belt Valletta

Photo: Tomoko Goto

Photo: Tomoko Goto

Il-Belt Valletta rat ħafna tibdiliet tul iż-żmien.  Waħda minn dawn hija kif il-Belt inbidlet minn bażi militari għal ċentru kummerċjali.  Il-Belt Valletta hija waħda miċ-ċentri ewlenin tal-attività kummerċjali li nsibu fil-gżejjer Maltin, b’numru kbir ta’ kumpanniji li joffru servizzi speċjalizzati lill-klijenti tagħhom.

Il-belt hija wkoll distrett kbir tax-xiri, b’labirint ta’ ħwienet, boutiques, u shopping arcades żgħar fil-konfini tas-swar.  Hemm ukoll varjetà ta’ boutique hotels, kafetteriji u bars f’żoni differenti madwar il-belt, kif ukoll fil-madwar, bħaż-żona tal-Valletta Waterfront.

Akkomodazzjoni

Jekk interessat tqatta’ ftit jiem il-Belt Valletta, għandek ħafna minn fejn tagħżel.  Il-Belt hija magħrufa mat-turisti u għalhekk fiha numru kbir ta’ boutique hotels, guest houses u lukandi ta’ 5 stilel kemm ‘il ġewwa mis-swar, kif ukoll barra.  Hemm varjetà ta’ akkomodazzjoni li tolqot lil kulħadd – sew jekk trid toqgħod attent kemm tonfoq, kif ukoll jekk tixtieq tonfoq!  Mhux se jiddispjaċik li toqgħod f’din il-belt maġika bit-toroq dojoq, toroq biċ-ċangatura u l-karattru li jiddistingwiha.