More or Less Theatre b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018 tippreżenta workshop miftuħ ta’ tliet sigħat għat-tfal dwar il-kitba tal-istejjer u l-ħolqien ta’ mudelli tal-karta pesta ibbażat fuq il-kulturi vvintati mit-tfal matul ix-xhur li għaddew, għal festivals u attivitajiet oħrajn. Din l-attività se ssir nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu 2017, matul il-qari fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, bejn it-8.00 PM u l-11:00 PM, il-Forti Sant’Iermu.

It-tfal se jiġu mistiedna jisimgħu dwar kultura vvintata li diġà tkun inħolqot minn wieħed mill-gruppi tal-iskejjel u, matul il-festival, jikkontribwixxu għall-istorja tal-kultura billi jikkollaboraw fuq partijiet ta’ storja (bl-użu ta’ formuli tar-rakkonti tal-istejjer) u mbagħad jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ struttura bl-użu ta’ materjal irriċiklat. Kull grupp ta’ tfal se jikkontribwixxi għal parti mill-proġett – eżattament bħal kif il-kulturi jinbnew b’mod gradwali minn ġenerazzjonijiet ta’ persuni.

Din l-attività parallela hija parti mill-programm Oħloq Kultura. Ġenituri li jixtiequ jirreġistraw lit-tfal tagħhom għal dan il-workshop għandhom jiktbu email fuq [email protected], u jindikaw liem ħin se jkunu qed jattendu.