Din hija sejħa għal kulħadd biex jipparteċipa fi proġett kulturali eċċitanti tal-Presidenza tal-UE f’Malta.

Il-Presidenza Maltija f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018 – Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura qed tistieden lil kull min jgħix Malta biex ikun parti minn proġett internazzjonali tal-arti tal-organizzazzjoni Awstrijaka Time’s Up. Ikkollabora ma’ artisti internazzjonali u lokali u vvinta xenarji għall-Ġejjieni tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea b’mod kreattiv u divertenti.

Qegħdin infittxu persuni li jridu jaqsmu u jiddiskutu ma’ persuni oħrajn u jiżviluppaw futuri possibbli għal Malta, l-Ewropa u l-UE, b’ħarsa lejn ir-realtajiet tal-lum minn perspettivi differenti.

Nistidnuk tipparteċipa f’sensiela bikrija ta’ workshops f’Malta u Għawdex, kemm jekk għadek l-iskola jew rtirajt, u hi x’inhi l-professjoni tiegħek. Aħna interessati fl-esperjenza u l-għarfien tiegħek, fl-ideat, il-viżjonijiet, il-ħolm u t-tamiet tiegħek u ħerqana li ninvolvuk fi djalogu dwar futuri possibbli għal Malta u l-Ewropa.

F’dawn il-workshops se nużaw tekniki divertenti biex inleħħnu l-vuċijiet silenzjużi u niksbu rispons bejn il-gruppi. Ser nappoġġjaw proċess multilingwali permezz ta’ tradutturi Maltin u Ingliżi.

L-ewwel sessjonijiet ta’ ħames sigħat kull waħda ser jsiru f’diversi dati lejn l-aħħar ta’ Novembru. Sabiex il-parteċipazzjoni tkun faċli kemm jista’ jkun stabbilejna erba’ dati separati:

19 ta’ Novembru – INĦAWI TAN-NOFSINHAR: Skola Primarja ta’ Ħal-Luqa
20 ta’ Novembru – GĦAWDEX: Ċentru Parrokkjali tal-Munxar
26 ta’ Novembru – INĦAWI TAT-TRAMUNTANA: Giovanni Curmi Higher Secondary, Naxxar
27 ta’ Novembru – INĦAW TAL-BELT VALLETTA: Istitut Kattoliku, il-Furjana

Is-sensiela ta’ workshops tilqa’ spettru wiesa’ ta’ nies ta’ etajiet u sfond kulturali differenti li jgħixu f’Malta u Għawdex. Kull workshop ser isir bejn l-10.00 am u t-3.00 pm. L-attivitajiet ser isiru waqt żewġ sessjonijiet ta’ 60 u 90 minuta u mbagħad waqt żewġ sessjonijiet iqsar, b’pawżi għall-ikel u l-kafè.

Waqt l-ewwel Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea (Jannar – Lulju 2017) ser norganizzaw sensiela oħra ta’ workshops biex inkomplu nibnu fuq dak li nkunu skoprejna fis-sessjonijiet ta’ xogħol u logħob ta’ Novembru. Waqt il-workshops u l-avvenimenti ta’ wara ser nsemmgħu leħinkom billi nwasslu l-perspettivi u l-viżjonijiet tagħkom ukoll.

Biex tirriżerva post ibgħat e-mail fuq [email protected] sal-Ħamis 24 ta’ Novembru 2016.

Għal aktar informazzjoni fuq Time’s Up, tista’ iżżur is-sit uffiċjali tal-organizzazzjoni www.timesup.org.