Is-Soċjetà Filarmonika La Stella flimkien mas-Soċjetà Filarmonika Leone ser iwasslulna żewġ kunċerti mużikali mill-aqwa fitmiem il-ġimgħa. Kemm RockAstra kif ukoll Leone goes Pop stabbilixxew ruħhom fil-kalendarju kulturali Għawdxi.

Dan ġie mħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata minn Dr Justyne Caruana, Ministru għal Għawdex, is-Sur Jason Micallef, Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018,  Dr Samuel Azzopardi, Sindku tal-Belt Victoria, s-Surmast Sigmund Mifsud, Direttur Artistiku ta’ RockAstra u Dr Michael Caruana, President tas-Soċjetà Filarmonika Leone.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet kif sa mill-ewwel ġurnata bħala Ministru għal Għawdex bdiet taħdem biex isem Għawdex jitla’ fuq l-aġenda nazzjonali. Hi qalet li din hi ħidma qed tagħti l-frott hekk kif dawn iż-żewġ kunċerti qed isibu s-sosten mhux biss tal-Ministeru għal Għawdex iżda anke tal-Fondazzjoni  Valletta 2018. L-Onor. Caruana saħqet li dawn il-kunċerti u attivitajiet oħra qed ikomplu jattiraw numru dejjem jikber ta’ viżitaturi fejn Għawdex qed joffri diversi forom ta’ divertiment u spettaklu li jilħqu l-gosti ta’ kulħadd, minn festivals tematiċi għal kunċerti mużikali u Opri klassiċi.

Ic-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, is-Sur Jason Micallef qal li l-missjoni tal-Fondazzjoni qed tintlaħaq hekk kif il-kultura, fid-diversi forom qed tilħaq lil kulħadd u anke f’Għawdex qed tħalli l-impatt tagħha. Hu faħħar il-kontribut li dawn iż-żewġ soċjetajiet qed jagħtu lis-soċjetà u dan meta wieħed jiftakar li dawn is-soċjetajiet, bħas-soċjetajiet kollha f’pajjiżna joperaw fuq bażi volontarja. Hu qal li kunċerti bħal dawn ikomplu jesponu t-talent lokali.

Is-Sindku tal-Belt Victoria, Dr Samuel Azzopardi, wera s-sodisfazzjon tiegħu hekk kif iż-żewġ soċjetajiet laqgħu l-proposta imressqa mill-Kunsill Lokali biex dawn il-kunċerti jsiru flimkien biex jikkomemoraw Jum il-Belt Victoria. Jum il-Belt Victoria jiġi iċċelebrat fl-10 ta’ Ġunju.

Is-Surmast Sigmund Mifsud qal li l-preparamenti għall-kunċert RockAstra ilhom għaddejjin u dan biex jiġi assigurat li jintlaħaq l-għola livell possibli.

Dr Michael Caruana irringrazja kemm lill-Ministeru għal Għawdex kif ukoll lill-Fondazzjoni Valletta 2018 tas-sosten tagħhom. Dr Caruana qal li kunċerti ta’ din il-kwalità żgur ma jistgħux isiru mingħajr l-għajnuna ta’ dawn l-entitajiet.

RockAstra u Leone Goes Pop isiru il-Ġimgħa u s-Sibt, 8 u 9 ta’ Ġunju rispettivament fil-qalba tal-Belt Victoria. Id-dħul għal dawn il-kunċerti hu b’xejn. Il-kunċerti jibdew fid-9.00pm.

Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit www.mgoz.gov.mt jew il-mobile app ‘mygozo’.