Waslet edizzjoni oħra tal-proġett Poetry in Potato Bags, li jgħaqqad lil Malta mal-belt Nederlandiża Leeuwarden fuq livell agrikolu, kif ukoll letterarju. Il-proġett huwa organizzat minn Valletta 2018 u Leeuwarden 2018, iż-żewġ bliet li se jkunu Bliet Ewropej tal-Kultura fis-sena 2018, u mmexxi minn Inizjamed. Bejn l-20 u l-21 ta’ Ottubru se jsiru diversi attivitajiet.

Nhar l-20 ta’ Ottubru fit-8.00pm se jkun qed jintwera l-film Friżlandiż La Luz Del Mar. Il-kappa rootsROUTES li taħtha qed jintwerew diversi films tal-poeżija se tagħti ċ-ċans lill-pubbliku jara dan il-film dwar poeta għami Friżlandiż – Tsjêbbe Hettinga – u wara se jkun hemm diskussjoni bejn il-poeti Maltin Antoine Cassar u Claudia Gauci mal-mistiedna barranin Froukje de Jong u Rudi Wester li jieħdu ħsieb il-proġett min-naħa ta’ Leeuwarden. Id-diskussjoni titmexxa minn Caldon Mercieca. Dan il-film qed jintwera b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv. Films oħrajn Friżlandiżi kif ukoll films tal-proġett ta’ Valletta 2018 Poetry on Film qed jintwerew bħalissa ġewwa Spazju Kreattiv u se jibqgħu għaddejjin sas-2 ta’ Novembru.

Attività oħra importanti tkun l-għada, meta l-istudenti tal-Youth.Inc mill-Aġenzija Żgħażagħ iżuru l-importatur u l-esportatur tal-patata Abdilla ġewwa Ta’ Qali. Dakinhar se jkunu jistgħu jaraw kif tinżera’ l-patata, u kif jaħdmu l-magni u wara jduqu ikel bil-patata u jiktbu dwarha wkoll. Iż-żgħażagħ se jingħataw ukoll basket tal-proġett b’versi tal-awturi famużi u illustrazzjonijiet ta’ Nadine Noko.

‘Poetry in Potato Bags’  iħares lejn ir-rabta bejn Malta u Leeuwarden li tmur lura għas-sena 1850 minħabba l-iskambju ta’ żerriegħa u patata. Meta ż-żerriegħa tasal minn Leeuwarden, il-bdiewa Maltin jiżirgħuha u jkabbru l-patata, li mbagħad tmur lura Leeuwarden. Il-proġett ‘Poetry in Potato Bags’ jagħmel użu minn dan iċ-ċiklu billi jiskambja l-poeżija maż-żerriegħa u l-patata, filwaqt li jiċċelebra t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura li ser jingħataw il-Belt Valletta u Leeuwarden fl-2018.