Fl-okkażjoni taż-żjara tad-delegati tal-IFACCA u tal-Anna Lindh Foundation Spazju Kreattiv ingħaqad ma’ Inizjamed biex itella’ rootsROUTES – La Luz del Mar – sensiela ta’ wiri ta’ films lokali u barranin, fosthom La Luz del Mar (The Light of the Sea) ta’ Pieter Verhoeff.
Il-films li ser jintwerew jinkludu films tal-poeżija lokali, dokumentarji u produzzjonijiet barranin bħal BABAI, L’Avenir (Things to come) u Almost Holy. Uħud minn dawn il-films ser ikunu aċċessibbli wkoll għall-pubbliku. Fi Spazju B ser jintwerew għadd ta’ films qosra tal-poeżija, fosthom films li saru taħt il-kappa Poetry on Film (proġett tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u Inizjamed) u poeżiji marbuta mal-proġett Potatoes go Wild ta’ Leeuwarden.
Żgur mhux ta’ min jitlef il-wiri tal-film La Luz del Mar. Dan il-film poetiku ġie ppreżentat lura fl-2006, sewwasew dakinhar tal-wirja tal-poeta għami Friżlandiż Tsjêbbe Hettinga (1949-2013) fl-ikbar festival mondjali tal-poeżija Festival Internacional de Poésia de Medellin. Biex ħadem dan il-film Verhoeff segwa lil Hettinga tul kważi sentejn – vjaġġ li welled profil affaxxinanti ta’ dan il-poeta. Bħala l-attrazzjoni ewlenija tal-festival, La Luz del Mar ser jintwera għall-ewwel darba f’Malta fl-20 ta’ Ottubru fi Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta fit-20.30.
Il-film jinkludi d-dokumentarju Yn dat sykjen sûnder finen (In that search without finding) u qari bil-Friżlandiż ta’ poeżiji mill-ktieb tiegħu Fan oer see en fierder (From overseas and further). Il-film ser jintwera b’sottotitli bl-Ingliż. Id-dħul b’xejn.
Wara l-film issegwi diskussjoni mal-poeti Maltin Antoine Cassar u Claudia Gauci u l-mistiedna minn Leeuwarden, Froukje de Jong u Rudi Wester.
Dawn l-avveniment qiegħed jittella’ minn Spazju Kreattiv u Inizjamed bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u Leeuwarden 2018.