Ħu Sehem: Il-Programm għall-Voluntiera ta’ Valletta 2018
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tfittex voluntiera għal numru ta’ avvenimenti kbar u għal numru ta’ attivitajiet tul is-snin 2015 sa 2018.
Ix-xogħol għall-voluntiera jinvolvi amministrazzjoni ta’ attivitajiet fejn dawk involuti jilqgħu u jsellmu lin-nies, imexxu l-informazzjoni mal-pubbliku – kemm billi jqassmu fuljetti kif ukoll bil-fomm u fuq is-social media, u jagħmlu surveys ta’ valutazzjoni.
Valletta 2018 qed tiżviluppa programm kulturali wiesa’ b’aktar minn 30 proġett imqassma skont l-erba’ temi tal-Bid Book: Ġenerazzjonijiet, Rotot, Bliet u Gżejjer. Is-suċċess ta’ dan il-programm huwa opportunità għall-Belt biex iddawwar il-perċezzjonijiet negattivi filwaqt li terġa timmaġina lilha nfisha.
Jekk tixtieq li tippromwovi u tikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta u ż-żona tal-Port il-Kbir, u għall-iżvilupp tal-arti u l-kultura filwaqt li tiltaqa’ ma’ nies ġodda, ingħaqad mal-Programm għall-Voluntiera ta’ Valletta 2018 illum!
It-tim eżekuttiv ta’ Valletta 2018 żviluppa programm ta’ taħriġ komprensiv għall-voluntiera u se jkun qed jipprovdi sapport maniġerjali u amministrattiv tul l-esperjenza tiegħek. Hemm il-possibiltà li jkun hemm bdil ta’ voluntiera internazzjonali għall-bliet kapitali kulturali.
Il-programm għall-voluntiera jfittex li jilħaq l-ogħla benefiċċji għall-Belt u għall-voluntiera, li l-esperjenzi tagħhom jistgħu jagħmlu parti mill-esperjenza professjonali tagħhom jew għas-CVs.
Interessat? Niżżel l-Applikazzjoni – Valletta 2018 – Programm għall-Voluntiera.
Jekk għandek xi mistoqsijiet, ikkuntattjana bl-email fuq [email protected] jew bit-telefon fuq in-numru 21242018.